Monday, May 13, 2024

L-Arċisqof jgħid li l-qassisin għandhom ikollhom l-għażla li jiżżewġu

… jgħid li diġà tlifna qassisin tajbin ħabba din ir-raġuni

Aqra wkoll

Din hija x’aktarx l-ewwel darba li qiegħed ngħidha pubblikament u jaf hawn xi wħud li jistgħu jarawha lil hinn min-norma reliġjuża imma nemmen li l-Knisja għandha tirrevedi r-regoli tagħha biex tagħti l-għażla lill-qassisin Kattoliċi biex jiżżewġu.

Iddikjara dan l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna f’intervista ma’ The Times of Malta fejn esprima l-ħsieb tiegħu li wasal iż-żmien li dan jiġi diskuss serjament, u jittieħdu deċiżjonijiet tanġibbli.

Huwa żied li diġà tkellem dwar is-suġġett fil-Vatikan iżda jirrikonoxxi li mhix fil-mertu tiegħu li jieħu deċiżjoni.

L-Arċisqof kompla biex jistaqsili għaliex għandna nitilfu żagħżugħ li kapaċi jkun qassis tajjeb, minħabba li jkun jixtieq jiżżewweġ u tenna li diġà tlifna qassisin tajbin għax għażlu li jiżżewġu.

Fl-istess intervista l-Arċisqof Scicluna rrikonoxxa li ċ-ċelibat xorta jibqa’ jżomm postu fil-Knisja, iżda sostna li l-esperjenza wrietu kif il-qassisin għandhom jingħataw din l-għażla bħalma jsir fi Knejjes oħrajn. Fakkar kif fl-ewwel millenju tal-eżistenza tal-Knisja, il-qassisin kienu jingħataw din l-għażla, u hekk għandu jerġa’ jkun.

L-Arċisqof qasam il-ħsieb tiegħu ta’ kif raġel jista’ jħobb mara imma fl-istess waqt ikollu jagħżel bejnha u bejn il-ħajja ta’ qassis. “Ċertu qassisin ma jkunux jistgħu jkampaw ma’ dawn l-emozzjonijiet u għalhekk jispiċċaw f’relazzjonijiet sentimentali fil-moħbi”, tenna l-Arċisqof Scicluna.

Sport