“Waħda mill-mardiet li qed jaħkmu l-Istat Malti, jew lis-soċjetà Maltija, hija propju l-marda tar-regħba. Xi kwalità ta’ indipendenza nistgħu niċċelebraw jekk aħna skjavi tas-sens tal-kilba tal-poter u tar-regħba għall-flus?”
Hekk qal l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna fl-omelija tiegħu waqt il-Pontifikal Statali f’Jum l-Indipendenza wara li ngħata bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ dan il-jum.
Huwa qal: “Ir-regħba hija espressjoni ta’ individwaliżmu sfrenat: moqdi jien moqdi kulħadd; jiena l-ewwel, it-tieni jiena, it-tielet jiena, u jekk jibqa’ jiena wkoll. Imma min hu kuntent b’dak li għandu, min bi gratitudni kbira jiekol il-ħobżna ta’ kuljum maqlugħa bl-għaraq ta’ ġbinu, b’qalb safja, b’kuxjenza retta, b’sens kbir ta’ ġustizzja, allura dan mhux biss ikollu biżżejjed, imma wkoll ta kontribut kbir lis-soċjetà.”
Qal li waħda mis-sintomi tar-regħba tagħna hija t-tkerrih tal-pajsaġġ Malti. F’dan ir-rigward huwa qal: “Aħna għandna bżonn inkerrħu l-isbuħija ta’ pajjiżna għal erba’ soldi? M’aħniex kapaċi nrażżnu s-sens tagħna u nżewġuh mal-għaqal, mal-prudenza, u noħolqu affarijiet bħalma huma binjiet u proġetti li huma estetikament pjaċevoli, li jagħmlu unur lill-armonija ta’ pajjiżna? Mhux dan kien il-patrimonju li rċevejna? Meta nħarsu lejn il-belt tal-Imdina, is-swar tal-Belt u tal-Kottonera, naraw mhux biss binjiet funzjonali imma wkoll arkitettura armonjuża li tgħaxxaq. Nistgħu ngħidu l-istess għall-binjiet li bihom qegħdin inġarrfu s-sens sabiħ ta’ pajjiżna? Mhuwiex sintomu ta’ regħba dan, speċjalment meta mhux bilfors qegħdin nibnu bi skop li nipprovdu djar fejn ngħixu imma biex sempliċement nagħmlu aktar flus?”
Żied jgħid: “U jekk wieħed jgħidli: għax hekk indawru r-rota; imma b’liema prezz? Ħafna drabi jekk aħna, biex nuża l-kelma ta’ San Pawl, naqgħu fit-tiġrib u fix-xibka tar-regħba, nispiċċaw biex inċaħħdu mhux biss lilna nfusna u lil uliedna mill-kwalità ta’ ħajja li tixraqilna, imma wkoll lill-ġenerazzjonijiet futuri. Aħna kollha ħerqanin biex ir-reputazzjoni ta’ Malta tkun dejjem reputazzjoni li nkunu kburin biha, imma qabel inwaħħlu f’ħaddiehor, u forsi fil-ġudizzju iebes ta’ ħaddieħor, ta’ min nieqfu u nagħmlu eżami ta’ kuxjenza.”
Huwa staqsa: “Forsi l-kilba għall-flus, għall-flus faċli, qiegħda teqred ukoll is-sinsla morali ta’ pajjiżna? U xi kwalità ta’ indipendenza nistgħu niċċelebraw jekk aħna skjavi tas-sens tal-kilba tal-poter u tar-regħba għall-flus? Dawn huma istinti egoistiċi li ma jagħmluniex ħielsa, u jekk aħna niċċelebraw l-indipendenza tagħna u l-ħelsien ta’ pajjiżna minn kull kondizzjonament kolonjali u militari, hemm bżonn nieqfu u naħsbu: imma aħna waqajna f’xi jasar, il-jasar tal-kilba tagħna stess għall-poter jew inkella għall-flus?”
Waqt l-istess Pontifikal Statali, in-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico qara messaġġ mill-Papa. Permezz ta’ messaġġ qasir fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza ta’ Malta, il-Papa Franġisku sellem lill-President ta’ Malta u liċ-ċittadini kollha u ta l-barka tiegħu.