L-Arċisqof Charles Scicluna lbieraħ iltaqa’ ma’ wħud min-nisa u t-tfal residenti f’Il-Milja, ix-xelter tat-tieni stadju tal-Fondazzjoni Sebħ għan-nisa u t-tfal li qed jaħarbu mill-vjolenza, wara li ċċelebra quddiesa magħhom fuq il-post.
“Illum kelli l-privileġġ niltaqa’ ma’ wħud mir-residenti. Hemm żewġ frażijiet li se jibqgħu miegħi: ‘qiegħda fil-paċi” u “nħossni sigura”. Hu ta’ sodisfazzjon kbir tismagħhom u tassew grat għax għandi xhieda diretta tal-effett straordinarju ta’ din l-inizjattiva, tal-fatt li Il-Milja hija post sigur.”
L-Arċisqof żied jgħid: “Nixtieq nieħu wkoll din l-opportunità biex insellem il-memorja ta’ Bernice Cassar, u ta’ tant vittmi oħra ta’ vjolenza li nqatlu u ma kellhomx iċ-ċans jieħdu l-wens u l-fejqan li n-nies jieħdu minn hawn.”
Wara li ltaqa’ mar-residenti u l-impjegati li jappoġġjawhom, l-Arcisqof inawgura ġnien terapewtiku f’Il-Milja. L-attività mmarkat il-25 anniversarju minn meta l-Knisja fetħet l-ewwel xelter tat-tieni stadju f’Malta u Għawdex. Il-Milja, li qabel kienet magħrufa bħala Dar Qalb ta’ Ġesù, toffri ambjent sigur u appoġġ professjonali biex nisa u tfal ifiqu mit-trawma u jkunu jistgħu jerġgħu jibnu ħajja ta’ dinjità, ħielsa mill-abbuż.
Il-ġnien imsemmi ‘Secret Garden’ huwa spazju terapewtiku fuq barra ddisinjat biex isostni dal-vjaġġ ta’ fejqan, joffri lir-residenti ambjent paċifiku qalb in-natura fejn jistgħu jirriflettu u jiksbu lura saħħithom.
Dr Michael Falzon, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, wara li faħħar il-kuraġġ tan-nisa li telqu minn ambjent vjolenti, qal, “Il-vjolenza f’kull forma tagħha hija ħażina imma l-vjolenza fiċ-ċirku intimu tal-famija, fejn wieħed għandu jħossu maħbub u protett, issir agħar … minn hawn nirringrazzja lill-Knisja, għax wara kollox x’għandu jkun l-għan tal-politika, jekk mhux biex intejbu s-soċjetà tagħna?”
Matul dawn l-aħħar 25 sena, Il-Milja pprovdiet kenn fit-tul lil 387 persuna, fosthom 238 minuri li akkumpanjaw lil ommijiethom. Nisa li kienu qed ifittxu kenn kienu jvarjaw minn 18 sa 77 sena.
Kull familja ngħatat l-għażla li tibqa’ għal madwar 18-il xahar, fejn matulhom irċeviet kura ħolistika biex tfiq, tirkupra, u tipprepara għal ħajja indipendenti bla vjolenza.
Waqt l-attività, id-Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ Yvonne Mallia, sostniet mill-ġdid l-impenn tal-entità fil-missjoni tal-Knisja li tippromwovi u taħdem għal relazzjonijiet siguri mibnija fuq ir-rispett reċiproku u ħielsa minn kull forma ta’ abbuż.
“Għal 25 sena sħaħ, Il-Milja kienet post ta’ kenn, tama, u trasformazzjoni. Il-ġnien jirrappreżenta tiġdid u paċi – simbolu tal-fejqan u d-dinjità li kull mara u wliedha jixraqilha,” qalet is-Sa Mallia.
Fondazzjoni Sebħ tibqa’ ddedikata biex tagħti l-ogħla standard ta’ servizz lin-nisa u t-tfal li jaħarbu mill-vjolenza. “Filwaqt li titlaq minn sitwazzjoni abbużiva jista’ jkun diffiċli, f’Il-Milja nibqgħu naħdmu biex ikun hemm vjaġġ dinjituż u individwalizzat ta’ fejqan u appoġġ lil kull mara u wliedha biex isibu ħajja ħielsa mill-abbuż, kif verament jixraqilhom,” enfasizzat Kerry Hermitage, Senior Manager tas-Servizzi tal-Familja. Żiedet tgħid li Il-Milja tilqa’ wkoll ulied adulti akkumpanjati minn ommhom, kif ukoll annimali domestiċi, biex in-nisa ma jkollhomx għalfejn jagħmlu għażla bejn li jħallu lill-għeżież tagħhom warajhom jew li jħallu l-vjolenza.
Il-Milja qed tkompli toffri mhux biss sigurtà fiżika u kura professjonali iżda wkoll ambjent ta’ wens fejn il-familji jistgħu jerġgħu jibdew – imdawrin b’appoġġ, mogħdrija, u tama għal futur isbaħ.

