Ċirkostanza partikolari li Maurice Serracino, eks editur ta’ The Whip, baqa’ jiftakar u qatt ma tista’ tmur minn quddiem għajnejh kienet l-ewwel laqgħa li kellu mal-Arċisqof Mikiel Gonzi. Kienet laqgħa li bħal ma kienet prassi li ssir, lill-Arċisqof ma kontx issibu bilqiegħda fl-istess livell tiegħek. Kont issibu għola minnek, fuq siġġu aktar għoli, fejn prattikament trid tħares ‘lfuq. Fi kliem Maurice stess, għadu sa llum ma jistax ineħħi minn quddiem għajnejh, il-ħarsa li kien taħ l-Arċisqof Gonzi fl-ewwel laqgħa. Fi kliemu stess, “għajnejh kienu żgħar. Meta ħares lejja, dawk għajnejh kienu qishom vleġġa diretti f’għajnejja. Din ma nneħħihiex minn quddiem għajnejja. Għadni sa llum meta nidħol fi knisja inġib quddiem għajnejja dak il-mument”.
Jistqarr ma’ Talk.mt li “jien kont naf li l-Arċisqof Gonzi kien se jipprova jintimidani. Mintoff ippreparani għal dan. Jien bqajt inħares f’għajnejh. Mintoff kien fehmni x’kelli nistenna.”
Lil Maurice nistaqsuh kif bdiet il-kwistjoni dwar il-laqgħa mal-Arċisqof Mikiel Gonzi. Maurice, jgħidli li “kollox beda meta kien hemm patri li ried ilaqqgħani ma’ l-Arċisqof Mikiel Gonzi. Jien ovvjament qabel aċċettajt jekk inmurx jew le, iddeċidejt li rrid inkellem lil Perit Mintoff. Mort il-villa tiegħu f’Ħal Tarxien u għedtlu li għandi din l-istedina biex niltaqa’ mal-Arċisqof. Staqsejtu x’nagħmel. Wara li tkellimna, hu qalli biex inmur. Qalli ‘mur, kun int imma oqgħod attent x’tgħid u ma tgħidx’. Kien enfasizzali biex ma nikkommetti ruħi għal xejn. Kien qalli ukoll biex wara laqgħa, inmur inkellmu.”
Maurice jgħidli li “l-ewwel laqgħa mal-Arċisqof tibqa’ f’moħħi. Meta mort il-Palazz il-Belt ġie qassis u daħħalni fejn ikun hemm l-Arċisqof. Dħalt u hu kien bilqiegħda ‘lfuq minni. Niftakar ċar ħafna, kif ħares lejja dawk għajnejh żgħar qishom vleġġa deħlin f’għajnejk. L-Arċisqof kien infurmani li jaf lill-familja tiegħi. Kien qalli li hu kien sorpriż ħafna kif jien qed mal-Partit Laburista u mhux qiegħed mal-Partit Nazzjonalista. Qalli li jaf il-famlja tiegħi minn naħa ta’ missieri qegħdin tajjeb u qalli li kieku jien qiegħed man-Nazzjonalisti għandi triq ħafna aħjar. Jien weġibtu lura u għedtlu li din hi deċiżjoni tiegħi u ma nistax naqbel man-Nazzjonalisti. Għedtlu qed mal-Partit Laburista għax nemmen fid-demokrazija Soċjalista. Weġibni lura billi qalli li dik hi demokrazija estrema.
“Kien qalli li magħna għandna ħafna Komunisti fil-partit u semmieli lil Karmenu Zammit, Nestu Laiviera, Guże Ellul Mercer u oħrajn. Jidhirli li kellu lista sħiħa. Jien irrispondejtu billi infurmajtu li jien kont qed naħdem mill-qrib ħafna ma’ Karmenu u Nestu u li kont niltaqa’ u nitkellem f’ħafna okkażjonijiet ma’ Ġuże Ellul Mercer. Jien lil dawn qatt ma smajthom jitkellmu b’mod estrem. Kieku kienu hekk ma kinux jiġux aċċettati minn Mintoff. Għedtlu li l-Komunisti kienu qed jippersegwitaw lill-Kristjani u kienu qegħdin jagħlqu l-knejjes. Jien staqsejtu, jgħidli kif Mintoff jista’ jkun Komunist jew irid li Malta tkun Komunista, metą hu għandu oħtu soru u huh patri? Hu ma rrispondinix. Jien għedtlu li smajtu u li rrid ngħid tiegħi. Infurmajtu ukoll li Dom Mintoff kien jaf li kont sejjer għal dik il-laqgħa. Infurmajtu ukoll li wara kont sejjer għandu ninfurmah. L-Arċisqof Gonzi qalli li l-laqgħa kienet privata iżda jien weġibtu li la fil-laqgħa issemma’ l-partit jien kont fid-dmir li niddiskuti dak li jintqal mal-kap tal-partit.
Maurice jgħidilna li “ma’ l-Arċisqof Gonzi kelli żewġ laqgħat. Kien qed jipprova jikkonvinċi lin-nies ma jibqgħu f’dik it-triq. Jien wara mort irrappurtajt b’kollox lil Dom Mintoff. Hu kien kuntent b’dak li għedtlu. Kien qalli biex ma ninkwetax. Kien qalli li l-Arċisqof ma kienx se jinbidel għax kellu ħafna x’jitlef. Mintoff ried il-paċi. L-Arċisqof imma għalih ir-reliġjon kienet poter. Konna sirna nafu li fil-Vatikan hemm min kien qed jagħmel medjazzjoni biex l-affarijiet jitranġaw. Mintoff kien qalli li hemm nies fil-Vatikan li huma fuq in-naħa tagħna. Min huma qatt ma qalli. Kien qalli li ftit nies jafu b’dan. Jien qatt ma għidt lil ħadd b’dan.”
Jiddikjara li “aħna komplejna mexjin fit-triq tagħna. Konna nafu u konna konvinti li qegħdin fit-triq it-tajba.”
Maurice jgħidilna li “t-tieni laqgħa mal-Arċisqof Gonzi ma tantx damet. Hu kien ipprova jikkonvinċini biex nirriżenja mill-Partit Laburista u ningħaqad ma’ partit ieħor. Niftakar li kont għedtlu li jien mhux Pellegrini. Niftakar staqsejtu biex nitlaq għax ma kienx hemm aktar x’niddiskutu. L-għada iltqajt ma’ Mintoff. Għedtlu x’ġara. Qalli li għamilt sew. Ma nafx iddiskutiex dan ma xi ħadd ieħor. Kien jidher imma li kien jaf sew kif jaġixxi l-Arċisqof Gonzi”.
“Kont mhedded u dan għal tul ta’ żmien….infurmawni li se nispiċċa bla xogħol…ridt nibqa’ f’Malta imma flus ma kellix…tkellimt ma’ Mintoff meta ddeċidejt li nitlaq”
Ma’ Maurice tkellimt fit-tul dwar il-fatt li hu imbagħad kien kostrett jitlaq lejn ir-Renju Unit. Deċiżjoni li ħadha kontra qalbu imma li ma setax jagħmel mod ieħor. Theddid u nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji flimkien ma’ theddida li se jispiċċa bla xogħol wasslu jagħmel dan il-pass.
“Jien ma kontx nibża. Kont inmur il-meetings. Konna nkunu qrib dawki li kienu jgħajruna, jobżqulna u jsaffru. Ma bżajtx lanqas li niltaqa’ mal-Arċisqof Mikiel Gonzi. Tant ma konniex nibżgħu minn dawk li kienu qegħdin jopponuna li anke spiċċajna protetti mill-Pulizija billi ħaduna fl-għases. Din ġrat diversi drabi.”
Maurice jgħidilna li “meta ġejt biex niddeċiedi li nitlaq lejn ir-Renju Unit, jien iddiskutejt dan ma’ Dom Mintoff. Iddiskutejt miegħu qabel ma tkellimt ma’ tal-familja. Hu wera simpatija kbira miegħi. Ħassu dispjaċut ħafna li kont se nitlaq. Il-problema kienet li t-theddid kien kbir u kontinwu. Ma tafx min hu miegħek. Anke toħroġ fi triq, tara min iħarislek bl-ikrah jew ikellmek ħażin. Jien ma kontx waħdi li kont inkun mhedded.”
Jgħidilna li “dak iż-żmien riżorsi finanzjarji ma kellix. Jien ridt li nibqa’ f’Malta. Tant kemm hu hekk li anke kelli intervista ma’ Anton Cassar biex nidħol naħdem mal-ġurnal L-ORIZZONT. Kien qalli li kien se jkellimni lura. Jien ma smajtx mill-ewwel mingħand Anton Cassar u bħal ħafna żgħażagħ oħra kont iddisprat għal xogħol. Dan kien żmien fejn jien kont ġejt mgħarraf li nista’ nispiċċa bla xogħol, fejn dak iż-żmien kont naħdem mal-Qawwa Navali Ingliża fid-Depot tal-Armamenti. Jien ma ħassejtx li hi ġusta li nispiċċa niddependi finanzjarjament fuq il-familja tiegħi. Meta ma smajtx minn Anton Cassar jien kont iddeċidejt li napplika għal xogħol fir-Renju Unit. Jien ħsibt li L-ORIZZONT ma kellhomx xogħol għaliha u għalhekk applikajt għar-Renju Unit. Kien qisu tlett xhur wara li mort fir-Renju Unit, li jien irċevejt mingħand Anton Cassar biex inkun sub editor bil-lejl mal-ġurnal L-ORIZZONT.”
“Applikajt. Sar l-interview u jien flimkien ma’ tlettax oħra intgħażilt biex inmur lejn ir-Renju Unit. Ingħatajt parir biex nara li jkolli l-passaport lest u nipprepara biex nitlaq lejn ir-Renju Unit fi żmien ġimgħatejn. Bdejt bħala student ħaddiem fi sptar.”
“Kien meta qaluli li intgħażilt li infurmajt u tkellimt ma’ Mintoff u wara mal-familja tiegħi. Kont ilni fir-Renju Unit għal madwar xahrejn, metą irċevejt lura mingħand Anton Cassar.”
Maurice ikompli jgħidilna li “meta irċevejt l-ittra mingħand Anton Cassar li intgħażilt, jien tkellimt mal-kap tal-isptar u staqsejtu nistax nirritorna lura lejn Malta. Urejtu l-ittri li kienu bagħtuli minn L-ORIZZONT. Infurmani li jien kont sejjer ħafna fix-xogħol tiegħi u kien kuntent ħafna fil-progress li jien kont qiegħed nagħmel. Kien qalli li għandi futur u l-parir tiegħu kien li għandi nibqa’ hemm.”
Fil-gwerra morna ngħixu r-Rabat…. lil ommi Dun Gorg Preca kien qalilha ‘dan mhux għal hawn’
Lil Maurice, li llum jgħodd 83 sena ma stajtx ma nistaqsihx fuq il-ħajja tiegħu fit-Tieni Gwerra Dinjija. Familtu bħal ħafna oħrajn li kienu jgħixu fl-inħawi tal-Kottonera u l-madwar kellu jevakwaw ruħhom biex imorru f’żoni aktar siguri minħabba l-attakki qawwija.
Hu u familtu ħallew kollox warajhom fl-Ilsa u marru jgħixu ir-Rabat. Prattikament kienu jgħixu f’kamra waħda li kienet tinsab fiż-żona ta’ fejn hemm il-katakombi. Wara l-guerra, huma marru jgħixu Wied il-Għajn. Fil-bidu kienu joqogħdu ħdejn il-Knisja l-Qadima u wara imbagħad marru jgħixu ġo residenza fl-inħawi tas-Siberja. Jitkellem dwar l-ewwel edukazzjoni tiegħu, fejn kien imur f’De La Salle. Jispjega li riduh ikompli jistudja għall-università iżda hu qabad triq oħra.
B’daħka fuq fommu, Maurice jgħidilna li “kont anke iltqajt ma’ Dun Gorg Preca. Metą is-soru marret tgħidlu li konna wasalna, hu qal lis-soru u dan qabel iltaqa’ magħna, li kien jaf li hemm mara b’tifel żgħir biex tarah. Is-soru qalet lil ommi li kien jaf li ġejjin. Meta ġie, hu beda jitkellem ma’ ommi, poġġa idu fuq rasi u imbagħad qal lil ommi ‘dan mhux għal hawn’. Ommi dejjem ħasbet li kont se nmut żgħir”.