ARĠENTINA……… 3
FRANZA…………… 3
(Arġentina 4-2 bil-penalties)
Kienet finali li ħalliet lil kulħadd bla nifs li laħqet kull aspettattiva hekk kif iż-żewġ settijiet ta’ players ippreżentaw wirja kolossali … u kienet ħasra li team minnhom kellu joħroġ fuq in-naħa telliefa.
Kienu l-Arġentini li ħarġu fuq l-offensiva u fit-tielet minuta heddew il-lasti avversarji meta f’tarf il-kaxxa, Lionel Messi llobja l-ballun għal Julian Alvarez li kien għoddu ħasad lil Hugo Lloris iżda kien senjalat f’pożizzjoni ta’ offside.
Żewġ minuti wara, l-istess Alvarez venven xutt mid-distanza iżda kien wisq ċentrali.
B’mod gradwali l-Arġentini bdew iżidu l-isfozi tagħhom bil-punt ta’ riferiment ikun Angel Di Maria fuq il-faxxa xellugija hekk kif il-kostruzzjoni bdiet ħierġa kollha minn siequ.
Iżda fis-17-il minuta, għall- ħidma kollha tiegħu falla ċans tajjeb meta minn qagħda ideali xeħet il-ballun ferm għoli.
L-ewwel reazzjoni għall-Franċiżi waslet tliet minuti wara iżda Olivier Giroud bir-ras ikkonkluda ftit għoli.
Madankollu, fit-22 minuta, it-team immexxi mill-coach Lionel Scaloni (li huwa l-iżgħar coach ta’ din l-edizzjoni) ingħata penalty meta Di Maria daħal fil-kaxxa u ġie mwaqqa’ minn Ousmane Dembele liema kuntatt kien wieħed minimu.
Kien Lionel Messi li nkariga minn dan il-penalty u bil-kalma kollha b’xutt imkaxkar xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka, b’Lloris imur fuq in-naħa l-ħażina.
U l-affarijiet għall-Franċiżi komplew jeħżienu meta, fis-36 minuta, l-Arġentini rduppjaw meta minn kontrattakk korali fuq il-lemin, l-azzjoni bdiet minn Messi li fflikkja l-ballun lejn Alvarez li xeħet through-pass lejn Alexis MacAllister. Huwa kien pront u xeħet lejn l-iżmarkat Angel Di Maria fuq in-naħa l-oħra tal-ground li minn pożizzjoni angolata għeleb lil Lloris.
Fit-tieni taqsima wieħed stenna li l-Franċiżi jixħtu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jiskorjaw kmieni u jidħlu fil-partita.
Iżda kienu l-Arġentini li bdew jiddettaw il-logħob bil-Franċiżi dehru diżullużi, konfużi u mingħajr ideat … u rassenjati għal telfa.
Fit-58 minuta, Lloris salva bi tbatija x-xutt angolat ta’ Alvarez u żewġ minuti wara, kellu jkun Adrien Rabiot li nnewtralizza fil-ħin lil Messi bil-partitarji Arġentini jgħajtu l-għajta tal-goal.
Mas-siegħa logħob bdew iċ-ċelebrazzjonijiet mill-paritarji Arġentini li f’biki ta’ ferħ bdew jemmnu li kienu se jieħdu magħhom din it-Tazza lejn pajjiżhom għat-tielet darba u wara nuqqas ta’ 36 sena.
Iżda f’temp ta’ 97 sekonda u kontra x-xejra tal-logħob, il-Franċiżi kisbu d-draw …. u min skorjahom? … ħadd ħlief Mbappe … biex kibru fl-istatura u kien hemm mumenti li anke setgħu rebħu din il-finali.
Minn azzjoni mejta, fit-80 minuta, huma ngħataw penalty meta Kolo Muani daħal fil-kaxxa u twaqqa’ minn Nicolas Otamendi … biex mill-11-il metru Kylian Mbappe ma żbaljax minkejja li l-goalkeeper Emiliano Martinez mess il-ballun.
Fit-82 minuta l-istess Kyllian Mbappe sammar il-ballun fir-rokna tax-xibka b’volley mill-isbaħ wara li bidel il-ballun ma’ Marcus Thuram … biex il-partita kellha tmur fil-ħin barrani.
U fl-aħħar minuta ta’ tmiem l-ewwel taqsima, l-Arġentina resqu viċin darbtejn permezz tas-sositut Lautaro Martinez iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Dayot Upamecano fiż-żewġ okkażjonijiet.
Peró erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Lionel Messi xeħet lill-Aġrentina fil-vantaġġ wara li Lloris laqa’ parzjalment ix-xutt ta’ Martinez.
Iżda fil-118-il minuta, Franza kisbu d-draw minn Kylian Mbappe meta ngħataw penalty wara li l-ballun ħabat mal-minkeb ta’ Gonzalo Montiel fil-kaxxa … biex skorja l-ewwel hat-trick f’finali tat-Tazza tad-Dinja mindu l-Ingliż Geoff Hurst għamel dan fl-1966.
Fl-aħħar sekondi tal-partita Martinez reġa’ falla minn taħt il-lasti u fl-azzjoni li segwiet kellu jkun il-goalkeeper Arġentin li salva goal ċert fuq kanunata tas-sostitut Franċiż Youssouf Fofana.
L-eċċitament u t-tensjoni komplew jikbru hekk kif kien imiss l-għoti tal-penalties.
L-Arġentina rebħu bl-iskor ta’ 4-2 meta skorjaw l-erba’ tentattivi minn Lionel Messi, Paulo Dybala, Leandro Paredes u Gonzalo Montiel.
Għal Franza skorjaw Kylian Mbappe, u Youssouf Fofana iżda fallew Kingsley Coman u Aurelien Tchouameni.
B’hekk b’dan ir-rebħ ta’ dan l-unur Messi għaqqad il-vetrina personali tal-unuri kollha tal-karriera tiegħu.
Arġentina: Emiliano Martinez, Nicolas Tagliafico (Paulo Dybala 120), Nicolas Otamendi, Cristian Romero, Nahuel Molina (Gonzalo Montiel 91), Alexis MacAllister (German Pezzella 116), Enzo Fernandez, Rodrigo De Paul (Leandro Paredes 102), Angel Di Maria (Marcos Acuna 64), Julian Alvarez (Lautaro Martinez 103), Lionel Messi – : Lionel Scaloni
Franza: Hugo Lloris, Theo Hernandez (Eduardo Camavinga 71), Dayot Upamecano, Raphael Varane (Ibrahima Konate 113), Jules Kounde (Axel Disasi 120), Aurelien Tchouameni, Adrien Rabiot (Youssouf Fofana 96), Antoine Griezmann (Kingsley Coman 71), Kylian Mbappe, Olivier Giroud (Marcus Thuram 41), Ousmane Dembele (Randal Kolo Muani 41) – : Lionel Scaloni
Referee: Szymon Marciniak (Polonja)
Assistenti: Pawel Sokolnicki, Tomasz Listkiewicz (Polonja)
Ammoniti: E. Hernandez (A); A. Rabiot, M. Thuram (F)