Illum tintlagħab l-ewwel semi-finali tat-Tazza tad-Dinja 2022 meta fil-Lusail Stadium, it-team mill- Amerika Latina, l-Arġentina, jaffronta lil dak Ewropew, il-Kroazja.
Minkejja l-istil differenti ta’ logħob tagħhom, l-Arġetini jibdew favoriti iżda ma tkun l-ebda sorpriża li tista’ tiġi deċiża permezz tal-għoti tal-penalties.
L-Arġentina kisbu post fis-semi-finali wara li għalebu lill-Olanda bl- għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 4-3 wara li temmew fi draw ta’ 2-2.
Min-naħa l-oħra, it-team immexxi minn Zlatko Dalic ukoll għeleb lill-Brażil bl-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 4-2 wara draw ta’ 1-1 … biex wettqu sorpriża kbira.
Il-Kroazja m’għandhomx jiġu sottovalutati, iżda b’Lionel Messi fl-aqwa tiegħu, forsi l-Arġentina għandhom aktar ċans li jagħmluha għall-finali.
Peró, it-team Ewropew, immexxi minn Luka Modric, jimmira li jasal sal-finali għat-tieni darba konsekuttiva meta erba’ snin ilu safa megħlub fl-aħħar ostaklu minn Franza bl-iskor ta’ 4-2.
Għal din il-partita mill-aktar importanti, l-Arġentina se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiżi Gonzalo Montiel u Marcos Acuna wara li fir-rebħa kontra l-Olanda ntwerew it-tieni karta safra ta’ dan it-tournament.
Il-post tagħhom mistenni jimtela minn Nahuel Molina u Nicolas Tagliafico rispettivament.
Alejandro Gomez qed jissielet kontra l-ħin biex jirkupra minn uġiegħ fl-għaksa filwaqt li Rodrigo De Paul u Angel Di Maria se jsirilhom test aħħari biex jiġu dikjarati f’sikkithom.
Kontra l-Olanda, il-coach Lionel Scaloni lagħab b’ħames difensur fejn infilsa lil Lisandro Martinez iżda jekk Angel Di Maria jkun f’siktu l-istess Martinez ikollu jċedu postu fejn Scaloni jmur lura għat-tattika ta’ erba’ difensuri.
Fir-rigward tal-Kroazja, Zlatko Dalic, dan għandu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu … anzi kompliet tissaħħaħ bir-ritorna ta’ Borna Sosa u Mislav Orsic wara li rkupraw mill-influwenza.
Mario Pasalic, li ġie utilizzat mill-bidu kontra l-Brażil, mistenni jżomm postu wara li mpressjona fil-wirja tiegħu.
Andrej Kramaric mistenni jżomm postu fl-attakk anke jekk Bruno Petkovic salva lit-team tiegħu meta kiseb id-draw proprju erba’ minuti mit-tmiem tal-ħin barrani biex il-logħba kellha tmur għall-għoti tal-penalites.
Din il-partita se tkun ikkontrolla mir-referee Taljan, Daniele Orsato.