It-Tlieta, fil-11.00 am, l-Arġentina jiltaqgħu kontra s-Sawdi Arabja, fi Grupp C tat-Tazza tad-Dinja fejn jibdew bħala favoriti li joħorġu bit-tliet punti … u saħansitra huma fost il-favoriti li jirbħu dan it-tournament.
L-Arġentina kkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja, bla telfa, wara li spiċċaw fit-tieni post tal-CONMEBOL, wara l-Brażil.
Din hija t-18-il darba li qed jieħdu sehem fejn rebħuha fl-1978 u fl-1986. Peró huma kkwalifikaw għar-round tal-Aħħar 16 fl-aħħar edizzjoni tal-2018 fejn tilfu kontra r-rebbieħa renjanti, Franza.
L-Arabja Sawdija spiċċaw fil-quċċata tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni tagħhom biex issiġillaw posthom f’dan it-tournament.
Din se tkun is-sitt dehra tagħhom bl-aħħar waħda tagħhom tkun fl-2018. Fl-ewwel parteċipazzjoni huma waslu sal-Aħħar 16, li għadha sal-lum l-aqwa pożizzjoni tagħhom.
L-aħbar tajba għall-Arġentini hija li Cristian Romero laħaq irkupra fil-ħin u għaldaqstant mistenni jkun fil-formazzjoni inizjali.
Thiago Almada u Angel Correa ġew imsejħa tard fl-iskwadra, sabiex jieħdu post l-imweġġgħin Joaquin Correa u Nicolas Gonzalez.
L-Arabja Sawdija għandhom l-iskwadra sħiħa għad-dispożizzjoni.