F’partita li ntlagħbet f’Wembley Stadium, l-Arġentina għelbu lill-Italja bl-iskor ta’ 3-0 biex rebħu t-tielet edizzjoni tal-Finalissima li tintlagħab bejn iċ-champions Ewropej u dawk tal-Amerika t’Isfel.
Wara biss żewġ minuti l-Arġentini resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Angel Di Maria ra lill-goalkeeper Gialuigi Donnarumma barra minn postu u min-nofs il-ground ipprova jillobja l-ballun iżda falla bi ftit.
Il-partita kienet waħda movimentata biż-żewġ naħat joffru spettaklu għalkemm l-Arġentini kienu aħjar, b’Lionel Messi jkun imdawwar minn għadd ta’ difensuri Taljani kull meta kien fil-pussess tal-ballun.
Fis-16-il minuta, wasal l-aħjar ċans għat-Taljani meta Federico Bernardeschi għadda lejn Andrea Belotti li kien f’pożizzjoni li jixħet fix-xibka iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Nicolas Otamendi.
Madankollu, fit-28 minuta, l-Arġentina fetħu l-iskor meta Messi ħarab lil Giovanni Di Lorenzo u xeħet cross fil-baxx lejn Lautaro Martinez li kompla l-ballun għal ġox-xibka.
Imbagħad, fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, l-Arġentini rduppjaw meta Martinez qabeż lil Leonardo Bonucci u xeħet lejn Angel Di Maria li kien ġej bil-ġirja u qabbeż il-ballun minn fuq Donnarumma.
Fit-tieni taqsima, l-Arġentini ddominaw u kienu superjuri fejn setgħu ukoll għalqu l-partita kmieni.
Fis-60 minuta, reġa’ kien Donnarumma li wettaq save importanti fuq Di Maria b’titjira spettakolari biex żamm lil sħabu fil-partita. Erba’ minuti wara, Giovani Lo Celso falla ċans tajjeb minn qagħda ideali wara li rċeiva mingħand Messi.
L-Arġentini komplew jiddominaw u fis-67 minuta, reġa’ kien Donnarumma li salva lill-Italja, din id-darba minn tentattiv ta’ Messi. Fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud, is-sostitut Paulo Dybala ssiġilla r-rebħa b’xutt preċiż.