“L-argument kien bħal tal-films… hawn grupp ta’ persuni li qegħdin jipprovaw iwerwru lil Għawdex.” Hekk qal l-Ispettur Mario Xiberras quddiem il-Maġistrat Simone Grech hekk kif Hamid Fawaz Asad ta’ 22 sena mis-Sirja, iżda residenti Kerċem tressaq il-Qorti mixli li weġġa’ żewġ persuni.
Hamid Fawaz Asad, wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-Ispettur Xiberras spjega fil-Qorti li l-Erbgħa li għadda, għall-ħabta tal-10.30 p.m., kien daħal rapport fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex li kien inqala’ argument fi Triq Santa Duminka fir-Rabat stess.
Qal li l-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien seħħ argument bejn grupp ta’ Sirjani. Aktar tard huma ġew informati mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li kienu ddaħħlu żewġ persuni jsofru xi ġrieħi. Iż-żewġ persuni ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.
Il-Pulizija arrestaw żewġ persuni b’rabta ma’ dan il-każ, wieħed minnhom l-imputat. L-Ispettur kompla jgħid li Asad allegatament beda jagħti lil wieħed mill-vittmi b’katina tal-ħadid. Qal li l-Pulizija għandhom f’idejhom filmati u anke ritratti ta’ dan l-argument u fihom Asad allegatament jidher isawwat lil wieħed mill-vittmi. Jirriżulta li allegatament l-argument li kellu l-imputat kien mal-kuġini tiegħu li jgħixu Għawdex ukoll.
Min-naħa tagħha, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Jonathan Mintoff għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Qal li l-klijent tiegħu kkopera bis-sħiħ mal-investigaturi tant li mar waħdu l-għassa tal-Pulizija meta mitlub. Qal li Hamid Fawaz Asad għandu kondotta nadifa apparti li kien instab isuq mingħajr liċenzja.
L-Avukat Mintoff kompla jispjega lill-Maġistrat Simone Grech li l-klijent tiegħu għandu l-familja kollha tgħix f’pajjiżna u m’għandu l-ebda interess li jmur lura lejn is-Sirja apparti li għandu xogħol fiss.
Min-naħa tiegħu l-Ispettur Xiberras qal li dan hu każ serju minħabba “l-argument kien wieħed bħal tal-films apparti li hawn grupp ta’ persuni li qegħdin jipprovaw iwerwru lil Għawdex.”
Kompla jispjega li mhux veru kkopera mal-pulizija minħabba li ma ried iwieġeb għall-ebda domanda li saritlu. Kien hawn li l-Avukat Mintoff irribatta billi qal li dan kien dritt tiegħu li ma jwieġeb għall-ebda domanda li saritlu.
L-Ispettur kompla jgħid li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin fejn hemm persuna li għad trid tiġi arrestata u anke hemm persuna oħra li għad trid tiġi identifikata biex tiġi arrestata wkoll.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Grech ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u l-fatt li hemm persuni oħra li għad iridu jiġu arrestati.