Sunday, June 29, 2025

“L-Ark Royal ma daħlitx ġol-port…l-iskop kien intlaħaq” 

- John Mansueto

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kienu mheddin. Spiċċaw arrestati. Imma kienu emmnu f’xi ħaġa u kienu lesti li għal dak il-prinċipju jagħmlu kollox. Kienu kontra li bastimenti nuklejari jidħlu fil-port. Riedu jipprotestaw akkost ta’ kollox. Ma kinitx faċli. Ingħaqdu. Kienu persistenti u kitbu l-istorja – dik ta’ protesta li imblukkat il-port biex l-Ark Royal ma tidħol fil-Port il-Kbir. Dan l-avveniment seħħ 37 sena ilu fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju tas-sena 1988. Hu anniversarju li llum donnu ħadd ma jrid ifakkru jew agħar jippruvaw inessuh. Kienet ix-xewqa ta’ l-eks Prim Ministri Karmenu Mifsud Bonniċi li din il-protesta mill-ħaddiema tibqa’ tiġi mfakkra kull sena u kien għalhekk li saru dawn l-intervisti.

John Mansueto, li dak iż-żmien kien ħaddiem fit-tarzna, kien irrakkonta lil IT-TORĊA li “l-istorja bdiet meta konna qegħdin niltaqgħu f’dak li konna nsejħulu r-Reform Committee tat-tarzna. F’dan il-grupp li konna kemm trejdunjonisti, membri tal-kunsill u tal-kumitati tax-xogħol konna niddiksutu fuq kollox dwar it-tarzna u anke l-GWU. It-Tlieta  23 ta’ Ġunju konna qegħdin niddiskutu din il-kwistjoni tal-vapuri nuklejari. Sammy kien talab lil kulħadd biex l-għada nerġgħu niltaqgħu u niġu b’ideat kif nagħmlu protesta”.

John Mansueto kien qalilna li “aħna u naqsmu l-Baċir Numru 4 biċ-ċajt għidt lil Joe Zahra d-Dealer u ppuntajt subgħajja lejn il-Copper Mountain u għidtlu “issa Ġuż kieku naqbdu dak it-tanker u nankrawh mal-breakwater taħseb li jidħol xi vapur fil-port?”. Bdejna nidħku għax il-vapur kien ‘dead ship u l-magni tiegħu ma kinux jiffunżjonaw u sa dak il-ħin allura kienet aktar ċajta milli xi idea.  

“L-għada meta ltqajna l-kumitat ‘id-Dealer’ qal lil Sammy, “Mansuetu se jaqbad il-Copper Mountain u jagħlaq il-breakwater. Sammy qal iva din idea tajba.  Qbist jien fil-pront u għidtlu dak biċ-ċajt għidtlu hekk għax il-Copper Mountain m’għandux magni u biex tieħdu u tankrah trid erba’ tugboats.  Dan għax il-bastiment kien ‘dead ship’ u kien kbir wisq.  Sammy ma riedx jaf u qal naraw kif nagħmlu u nġibu erba’ tug boats.

“U fi ftit sigħat fassalna pjan biex nieħdu taħt idejna erba’ tugboats li dak iż-żmien kienu jkunu marbutin ħdejn il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu.  Kellu jsir meeting fil-ħin tal-mistrieħ u fl-aħħar kellu jinħaraq murtal bħala sinjal biex nies magħżula jieħdu f’idejhom  it-tugboats u jġibuhom mal-Copper Mountain. 

“Konna ftehma ukoll li mal-murtal navżaw lil Michael Paris biex joħroġ il-ħaddiema tax-shipbuilding biex jimblokkaw it-triq tal-Marsa lejn Bormla. 

“Jien dakinhar bqajt il-ħanut tal-ħaddieda u konna ftehmna li mal-murtal nitla’ fuq il-Copper Mountain biex nipprepara fejn se norbot it-tugboats.   F’ħin minnhom rajt xejna li qabditni l-bard.  Armata sħiħa ta’ xi elf u aktar ħaddiema ġejjin lejn il-Copper Mountain bi bnadar ħomor u Maltin jaqsmu minn fuq il-kxaxen tal-baċiri 4 u 5. F’kemm ilni ngħidlek din l-armata bdiet tiela’ kollha abbord it-tanker.

“Ġiet l-ewwel tug, il-Mari u jien irbatta mal-poppa ħalli tiġbed it-tanker. Wara waslet ukoll il-Feliċa u rbatta mal-pruwa tax-xellug. Kien jonqos tnejn oħra. Dawn imma ma ġewx. Sadanittant fil-geġwiġija li kien hemm b’mijiet ta’ ħaddiema fuq id-‘deck’ bdew jinħallu ċ-ċimi minn mal-moħħ, neħħew  l-iskala u t-tanker ġie għal riħu.  Jien ridt li nistenna t-tugs l-oħra għax inkella ma kontx nista’ ndawwar it-tanker mal-bwejba għax kien hemm tanker ieħor bl-isem ta’ Olympic Pride. Bżajt li naħbat jew neħel miegħu jien u ndur mal-breakwater.

“Però s-sitwazzjoni kienet konfuża u wara ħafna argumenti ma’ Sammy qbadna t-triq lejn il-breakwater. Radio ma kellix, allura biex nagħti l-istruzzjonijiet lit-tugs bdejt il-ħin kollu niġri mill-poppa għall-pruwa. Irnexxielna induru mal-bwejba mingħajr problemi. Darba minnhom it-tug boat Mari kienet qed tiġbed il-poppa, tajta sinjal biex tipponta l-pruwa  għal ġo Bighi biex it-tanker jagħmel ‘tight turn’ u jiddritta, imma tant għamlitha ‘sharp’ li mielet sew lejn il-lemin. Imma imbagħad iddrittat u t-tanker beda miexi eżatt dritt lejn il-breakwater. 

“Sadanittant kif qbiżna l-Forti Sant Anġlu beda jdur fuqna fil-baxx ħelikopter u fil-bokka tal-port kien hemm diġa lanċa tal-Forzi Armati ta’ Malta. Meta konna quddiem Bighi, bdejt il-manuvra biex inġib it-tanker parallel mal-breakwater u beda jdur mill-pruwa lejn ix-xellug, It-tanker ħa rankatura sew u beda ġej laġenbha mal-breakwater bi ftit saħħa. Jien u Sammy morna fuq il-pruwa ħalli nitilqu l-ankri. Meta t-tugboat żammet ir-rankatura u t-tanker tmewwet bdejna nitilqu l-ankri. 

“Eżatt dak il-ħin ġie fuqna l-helikopter, kważi kważi anqas minn żewġ sulari. Bis-sadid li beda jtir minn mal-katina, jien u Sammy sibna ruħna ġo xebgħa sadid li litteralment ġabna kannella. 

“Meta tlaqna l-ankri mort niġri lejn il-poppa, biex nitfgħu ċ-ċimi lejn Taħt iż-Żiemel.  Hemmhekk kien hemm żewġ bollards tal-boom defence ta’ żmien il-gwerra u kienu sodi biżżejjed bisex norbtu t-tanker. Ridt ukoll intih żewġ ċimi Mal-bollards tal-breakwater imma peress li kien hemm il-lanċa tal-FAM, għidna aħjar le ħalli nevitaw li jintervjenu. 

Sadanittant, konna ppjanajna li wara joħorġu barkun bi speċi ta’ scaffolding fuqu biex inkunu nistgħu ninżlu miegħu. Imma para  li dan il-barkun għamluh fuq in-naħa tal-breakwater flok fuq in-naħa ta’ ġewwa għall-kenn tal-mewġ.  Allura biex ninżlu ridna  nikkalkulaw it-tbandila tal-barkun u naqbżu fuqu eżatt kif imiss mal-vapur. U malli jmiss jerġa’ jitbandal il-barra xi għaxar piedi. Kien ftit perikoluż biex ninżlu imma irnexxielna. 

“Kif lestejna erġajna lura lejn it-tarzna, irbatna it-tug boats u bla dubju nistennew x’se jiġri l-għada. L-għada il-Ġimgħa, kienu bdew ix-xogħol biex iħollu t-tanker u jiftħu l-port, imma peress li kellu l-anki barra u ma kien hemm steam fuq it-tanker ma setgħux jittellgħu l-anki u kull ma’ għamlu kien li ħallew iċ-ċimi ta’ Taħt iż-Żiemel u dawruh biex rabtuh mal-jetty tar-Rikażli  eżatt mat-Tank Cleaning Farm. B’hekk il-Ġimgħa filgħaxija d-daħla tal-port reġgħet kienet mingħajr ostaklu.

“Din kienet ifferoċjatna xi ftit u eżatt wara l-mass meeting tal-Partit Laburista fin-niżla tal-Kurċifiss, inġbarna wara it-trailer u ftehmna li l-għada is-Sibt, meta allura kellha tasal l-Ark Royal nidħlu kollia t-tarzna u noħorġu l-braken f’nofs il-port. 

Iżda s-Sibt filgħodu l-affarijiet ħadu żvolta differenti. Qabel bdejna noħorġu l-braken ġew issegati ċ-ċimi tal-Olympic mal-bwejba u t-tanker issa dar bir-riħ u għalaq il-port eżatt quddiem il-Ponta tal-Isla. Imma anke hawn kien irnexxielhom jistartjaw il-magna u l-vapur waħdu immanuvra u beda ħiereġ lejn il-breakwater. 

“Meta rajna hekk bdejna nduru mat-tarzna u naqbdu l-braken li kien hemm, norbtuhom flimkien u noħorġuhom għan-nofs il-port u f’kemm ilni ngħidlek il-port quddiem il-pont tal-Isla stajt taqsam lejn il-belt minn fuq il-braken. 

“Ftit wara bdew ġejjin il-patrol boats imma hawnhekk iffaċjajnihom u minkejja l-gass tad-dmugħ li tefgħulna, saħanistra kien hemm min ipprova jidħol f’waħda minnhom bil-Feliċa.  Fuq din il-patrol boats irtiraw lejn Bighi u ħallew kollox kif kien. Kien hawnhekk meta irrealizzajna li ċedew kollox u meta sirna nafu li l-Ark Royal marret San Pawl il-Baħar bedot niċċelebraw b’tisfir tat-tugs.  Fl-aħħar mill-aħħar għaddiet  tagħna għax l-Ark Royal daħlet San Pawl il-Baħar li fin-navigazzjoni lokali hu meqjus bħala ‘open sea port’ u mhux port bħal Marsaxlokk, Marsamxett jew il-Port I-Kbir. 

“Kienet xi ħaġa importanti għax uriet li l-ħaddiema, għalkemm bil-boiler suits u mimlija żjut, jafu x’tgħid il-Kostituzzjoni u għamlu l-almu tagħhom bier jiddefenduha. Tinsiex lilna kienu jgħidulna ‘Teoloija tal-Boiler Suit’.  Wara konna ġejna arrestati. L-arrest tiegħi kien il-Ġimgħa jekk mhux sejjer żball fit-22 ta’ Lulju 1988. Kienu ġew għalija fl-4.00 ta’ filgħodu u domt hemm sas-Sibt fil-5.00 ta’ filgħodu. Kienu saruli żewġ interrogazzjonijiet. Kienu baqgħu jarrestaw sa ġimagħtejn wara metą mbagħad kollox waqaf ħesrem.

“Il-fatt li hi ġrajja storika minnha nfisha ttini sodisfazzjon li kont strumentali fiha aktar u aktar għall-fatt li dak li ppjanajna biex nagħmlu għamilnieh u l-iskop ta’ dak li għamilna ġie milħuq kollu kemm hu” kien temm jgħid John Mansueto. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport