Wednesday, April 24, 2024

L-armar tal-iscaffolding għandu jsir minn persuni kompetenti biss

L-OHSA b’linji gwida għall-bini ta’ strutturi biex jiġu evitati riskji fuq il-post tax-xogħol

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Apparat adattat armat minn nies kompetenti, taħt superviżjoni ta’ nies kompetenti u minn ħaddiema li jkunu rċevew taħriġ speċifiku jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol. F’linji gwida maħruġa mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) b’rabta mal-armar ta’ scaffolding intqal li l-ikbar riskji fis-settur tal-kostruzzjoni huma relatati ma’ waqgħat ta’ persuni, materjal u oġġetti mill-għoli.

L-OHSA qiegħda tgħid li skont il-kumplessità tal-armar, għandu jsir pjan ta’ assemblaġġ, armar u żarmar minn persuni kompetenti. tenfasizza li nies kompetenti biss għandhom ikunu involuti fil-bini, l-alterazzjoni jew żarmar tal-iscaffolding. Huma għandhom ikunu responsabbli wkoll li jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa bħalma hu infurzar, irbit, sinjali u miżuri oħra li jnaqqsu l-periklu waqt li jkun qed isir ix-xogħol. Meta l-armar ikun lest għall-użu, għandu jkun immarkat sew b’sinjali skont ir-regolamenti dwar it-twaħħil ta’ sinjali tas-saħħa u jew tas-Sigurtà fuq il-Post Tax-Xogħol.

Filwaqt li tkellmet dwar diversi nuqqasijiet li qegħdin jikkawżaw ċertu inċidenti, l-awtorità saħqet li għandu jkun żgurat li l-armar issirlu l-manutenzjoni kif meħtieġ u jinżamm f’kundizzjoni tajba. L-armar m’għandu qatt jintrama meta jkun ħafna riħ. Fost affarijiet oħra tgħid li m’għandux jintrama netting, tabelli jew materjal ieħor mal-armar jekk dan ma jkunx iddisinjat għal hekk. Dan jista’ jista’ jikkaġuna ħsarat u anke każijiet estremi fejn l-istruttura taqa’ f’każ ta’ riħ qawwi.

Il-ħarsien ta’ dawk li jaħdmu fuqu u dawk li jgħaddu minn taħtu jelenkaw xi punti importanti biex jitnaqqsu r-riskji ta’ inċidenti. Fost affarijiet oħra jitkellmu dwar il-gangways – il-passaġġ minn fejn persuna li tkun qiegħda taħdem tgħaddi bil-mixi – għandu jkun wiesgħa biżżejjed u mhux angolat iżjed minn 20 grad mill-art u jkun jgħatti l-fetħa kollha. Jekk l-armar ikun mibni fuq bankina, għandu jkun assigurat li persuni mexjin minn taħtu ikollhom spazju suffiċjenti u jkunu protetti sew bi lqugħ adekwat.

Fost il-lista ta’ inċidenti kkawżati minn armar elenkati f’dawn il-linji gwida l-OHSA semmiet:

  • Armar mhux kif sippost u li ma jsirx minn persuni kompetenti
  • Nuqqas ta’ manutenzjoni
  • Żbilanċ bejn ir-rata tal-għoli u l-wisa’ tal-armar
  • Tagħbija iżjed milli sippost, liema struttura ma tkunx tiflaħ għaliha
  • Sellum li jitqiegħed b’mod perikluż biex min qiegħed jaħdem jilħaq iżjed
  • Vibrazzjoni qawwija fuq l-armar waqt li jkun qiegħed isir ix-xogħol
  • Ċaqliq ta’ armar waqt li jkun hemm persuni fuqu
  • Armar li ma jintrabatx sew jew li saħansitra ma jkunx fuq bażi tajba
  • Ħaddiema li minflok jitla’ minn ġewwa, jitla’ min-naħa ta’ barra

Meta dan it-tip t’apparat jintuża f’siti ta’ kostruzzjoni, is-supervisor tal-proġett għandu jiżgura li l-pjan ta’ saħħa u sigurtà jkun fih il-pjan biex isir ix-xogħol u li dan jiġi komunikat u mifhum mill-kuntratturi kollha konċernati. Il-kuntratturi għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni d-direzzjonijiet mis-supervisor tal-proġett.

Min-naħa l-oħra, il-klijent għandu jieħu inkonsiderazzjoni kwalunkwe rapport mogħti bil-miktub mis-supervisor tal-proġett u jieħu wkoll il-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li dawk kollha involuti jimxu mal-obbligi fil-limiti tas-responsabbilitajiet rispettivi tagħhom.

Sport