Monday, November 11, 2024

L-armla u bint Brian Rosso jżommu lill-Istat u l-Pulizija responsabbli għall-ħelsien tal-akkużati

Aqra wkoll

Hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu l-unika żewġ akkużati bil-qtil ta’ Brian Rosso ġew illiberati wara li għaddew ġuri, l-armla u t-tifla tal-vittma qed iżommu lill-Istat u lill-Pulizija responsabbli għal dan kollu.

Huma fetħu protest ġudizzjarju li ppreżentaw fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili l-Avukati Stefano Filletti, Eve Borg Costanzi u Nicole Galea, fejn qalu li minħabba dewmien biex sar il-ġuri, laħqet daħlet emenda fil-liġi fejn persuna ried ikollha l-assistenza ta’ avukat waqt interrogazzjoni mill-Pulizija.

Kien għalhekk li żewġ stqarrijiet li Anthony Bugeja u Piero di Bartolo – l-akkużati – kien taw lill-Pulizija ma setgħux jiġu ppreżentati quddiem il-ġurati. F’dawn l-istqarrijiet huma kienu ammettew li qatlu lil Rosso u anke li tefgħuh fi-baħar.

Il-Prosekuzzjoni fil-ġuri qalet li Rosso nqatel fl-10 ta’ Ottubru tal-2005 fejn wara ntefa’ fil-baħar, iżda l-kadavru tiegħu baqa’ qatt ma nstab. Rosso kellu 48 sena meta nqatel.

Minkejja l-istqarrija li ħallew mal-pulizija fejn anke kienu wrew lill-prosekuzzjoni fejn kienu tefgħu l-kadavru ta’ Rosso, maż-żmien l-istess akkużati ċaħdu dan kollu bl-avukati tagħhom qalu li ma hemm ebda prova li nqatel, u fi tmiem il-ġuri t-tnejn li huma ma nstabux ħatja u kienu lliberati.

Sport