L-arti għandha rwol fundamentali fil-ħajja tagħna, hija mezz ta’ espressjoni, komunikazzjoni u u saħansitra ftehim bejnietna mingħajr ma nlissnu kelma waħda biss. Kemm jekk tkun pittura, mużika, drama jew letteratura, l-arti tgħinna nesprimu emozzjonijiet, naraw id-dinja minn perspettivi differenti, u noħolqu konnessjonijiet aktar profondi bejnietna, mhux biss bħala nazzjon imma kapaċi teħodna wkoll lil hinn mill-gżejjer tagħna u nistgħu nimirħu.
Il-kreattività, min-naħa l-oħra, mhijiex limitata għall-artisti biss għax hija ħila umana essenzjali f’kull qasam tal-ħajja. Li tkun kreattiv ifisser li taħseb b’mod innovattiv, issolvi problemi b’mod oriġinali u toħloq xi ħaġa ġdida li tagħti valur. Għalhekk meta aħna qed inrawmu l-arti u l-kreattività, mhux biss inkunu qed niżviluppaw il-kultura u l-identità tagħna, iżda wkoll nagħtu spazju għall-ideat ġodda, għat-tkabbir personali u għar-rikonoxximent tas-sbuħija fid-dettalji żgħar tal-ħajja, u dan jgħodd għal kull età. L-arti tgħallimna nisimgħu, nistgħu naraw is-sens u nistgħu noħolqu futur aktar empattiku u inklussiv. Għaldaqstant, investiment fl-arti u fil-kreattività hu investiment fis-soċjetà kollha.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħatar lil Dr Luke Dalli bħala l-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Kunsill Malti għall-Arti. Il-Ministru bla dubju għandu għal qalbu ħafna l-kultura u dejjem jinsisti biex jara li din titla’ ’l fuq, u għalhekk tefa’ l-fiduċja sħiħa tiegħu f’Dr Dalli u fdah f’dan l-irwol tant importanti. Dr Dalli, li huwa avukat ser ikun qed jieħu l-post ta’ Albert Marshall, li wara snin ta’ servizz li għamel b’tant dedikazzjoni u suċċessi u ta’ saħħa fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta, għażel li jaċċetta rwol ġdid fl-istess Kunsill.
Dr Luke Dalli qal li din il-konversazzjoni kienet ilha għaddejja. Qalilna li “kont ilni naħdem il-Kunsill Malti għall-Arti sa mis-sena 2014 f’diversi rwoli, foshthom bħala kap tal-uffiċċju legali, kif ukoll aktar tard bħala Kap tal-Operat. Dawn is-snin nassisti lil Albert għallmuni ħafna dwar kif titmexxa istituzzjoni tant importanti f’ekosistema bħal tagħna. Tgħallimt kif tikkultiva relazzjonijiet fi ħdan l-entita pero wkoll barra mill-ħitan tal-uffiċju. L-istil tiegħu kien dejjem wieħed imsejjes fuq id-djalogu w l-persważjoni. Jien nixtieq nibqa nadotta dak l-istil u nibni fuq dak li ħalla Albert. Aktar minn hekk, sabiex dan isir bl-aqwa mod possibbli, grazzi għal Ministru Bonnici ser ikolli l-unur li nibqa nuża l-esperjenza ta’ Albert fil-ħidma tiegħi ta kuljum bħala konsulent.”
Flimkien għandna ħafna prijoritajiet; għandna strateġija li diġà qed nimplementaw, li tirrivolvi madwar l-istatus tal-artist Malti. L-Arti hija professjoni bħalma huma x-xogħlijiet l-oħra kollha. Dan mhuwiex biss passatemp, avolja hemm min jara l-arti b’dak il-mod, però hawn ħafna nies li l-arti għalihom hija ħajjithom, hija l-għajxien tagħhom, dak li jpoġġi l-ikel lill-familja tagħhom fuq il-mejda. Għal din ir-raġuni, aħna rridu nkunu tarka għal dawn l-individwi, kemm b’mod ta’ fondi biex ngħinuhom ikabbru n-negozju kulturali u kreattiv tagħhom, kif ukoll b’mod strateġiku sabiex intejbu l-kundizzjonijiet ta’ kif jaħdmu. Bħala Kunsill qegħdin nieħdu ħsieb is-7.5% tax bracket għal kull min jaħdem fid-dinja kulturali biex nagħtu inċentiv lin-nies jidħlu fl-ekosistema tagħna.”
F’Jannar li għadda sar ukoll re-branding tal-Kunsill Malti għal-Arti fejn inbidlet id-dehra ħolistika tal-Entita’. L-idea ċentrali kienet dik li l-arma primarja tkun dik ta fetħa jew bieb. “Bħala Kunsill rridu nkunu bieb għall-artisti sabiex jimirħu, sabiex jikbru u jaslu għal orizzonti ġodda fid-dinja kuturali u artistika.”
Staqsejnieh jekk fadalx xi jsir biex artist Malti jkun aktar rikonoxxut u hu wieġeb fl-affirmattiv hekk kif hemm ħafna xogħol li jista’ jsir “u kif spjegajt diġà sar ħafna xogħol, iżda fil-futur qrib nixtiequ li nagħmlu ħafna aktar. L-industriji Kreattivi u Kulturali f’pajjiżna ħadu spinta sostanzjali fl-aħħar snin, però għadhom m’hux fl-istat li jistħoqqilhom u li bi dritt għandhom ikun fih. Huwa xogħolna li nikkultivaw kull professjoni fid-dinja tal-arti. Lil dawn kollha mhux qed inwegħduhom biss li nagħtuhom il-fondi, iżda wkoll ir-riżorsi u kull għajnuna li għandhom bżonn sabiex jilqħu l-miri tagħhom. Irriduhom jaħsbu aktar fil-quddiem, li joħolmu u jimirħu, il-ħolm tagħhom hu r-realtà tagħna u fejn nixtiequ naslu.”
Ċertament Dr Dalli ġie magħżul għal dan l-irwol prestiġjuż wara snin ta’ servizz impekkabbli fi ħdan l-istess Kunsill, u bl-esperjenza tiegħu fil-qasam legali u fl-amministrazzjoni, għandna fiduċja li ser iwassal viżjoni mġedda u ħidma li tkompli tibni s-suċċessi.