Friday, October 24, 2025

L-arti ta’ Ryan Falzon fi triqitha lejn Milan bil-wirja Arcana

Aqra wkoll

Illum, 24 ta’ Ottubru 2025, il-qawwa tal-kuluri ta’ Falzon bdiet tagħti l-ħajja lil dinja fantastika ta’ xbihat eżoteriċi mħallta mal-kultura pop, tiżjin mid-dashboards tal-karrozzi u emojis, fil-gallerija Milan Young Art Hunters. L-artist multidixxiplinari Ryan Falzon (m. 1988) qed jippreżenta xogħol vivaċi f’Milan f’wirja ta’ tliet ġimgħat ospitata fil-gallerija Young Art Hunters.

Arcana, ikkurata minn François Zammit, hija sensiela ta’ 17-il pittura taż-żejt fuq it-tila, li tinterroga n-narrattivi u s-simboli permezz tal-idjoma viżiva unika ta’ Falzon u l-esplorazzjoni tiegħu ta’ temi Mediterranji dwar is-sagru u l-profan, li ilhom għal żmien twil isaħħru lill-artist.

Rikonoxxut għall-pittura qawwija u politikament karka, il-bidla tematika ta’ Falzon għal xogħlijiet figurattivi dwar pjanti u rkejjen domestiċi pprovdiet djalogu viżiv kontemporanju max-xogħlijiet tal-magħruf pittur modernista Malti Giorgio Preca (1909-1984), fil-wirja Still Life | Life, Still li ttellgħet is-Soċjetà Maltija tal-Arti fil-Belt Valletta aktar kmieni dan is-sajf.

Esplorazzjoni unika 

F’Arcana, Falzon għal darb’oħra joffri lill-udjenza esplorazzjoni unika tiegħu tat-twemmin reliġjuż u s-superstizzjonijiet Mediterranji, permezz ta’ interazzjoni bejn il-kultura pop u l-profan, l-użu tas-simboliżmu kif ukoll it-test, biex jipproduċi narrattiva eżistenzjalista li toqros fil-laħam il-ħaj. 

“Għandna firxa ta’ riti, ritwali, u simboli, meħuda minn sistemi ta’ twemmin diverġenti, li b’kuntrast impressjonanti, jirriflettu l-ispirtu kontemporanju tar-reġjun,” jgħid François Zammit, li qed imexxi l-wirja b’appoġġ konsultattiv mill-artist ibbażat Malta u l-Italja, Matthew Attard.

B’dan is-simboliżmu, Ryan Falzon joffri dinja fantastika mibnija fuq immaġni esoteriċi, prattiki ta’ divinazzjoni bħat-tarokki, sal-kultura pop u l-ikonografija mid-dinja tal-karozzi bħad-dadi tas-suf jew xi nagħla mdendla mill-mera, u anke emojis, li huwa jqis bħala ekwivalenti kontemporanji ta’ ġeroglofija antika. “Dan iż-żwieġ ta’ kultura tal-internet u s-simboliżmu eżoteriku huwa kontemplazzjoni dwar l-intersezzjoni tal-espressjoni virtwali u l-mistiċiżmu tal-antikità. Stedina sabiex nikkunsidraw mill-ġdid in-natura tal-komunikazzjoni, l-ispiritwalità u l-intwizzjoni fl-era diġitali,” jgħid Zammit.

Paletta mlewna u tgħajjat

Permezz tal-paletta mlewna u “tgħajjat apposta” tiegħu, Falzon juża x-xbihat ta’ ornamenti taliżmaniċi li jqanqlu kemm il-biża’ kif ukoll il-protezzjoni, kif jgħid l-awtur Omar N’Shea fil-kontribuzzjoni tiegħu għall-katalgu li jmiss ta’ Arcana. “Bil-monumentalizzazzjoni ta’ dawn l-oġġetti – sriep, għajnejn, id-dadi, il-bżaru aħmar, il-kliem… Falzon iġegħelna nirrikonoxxuhom bħala tagħna stess. Iżda ma jibqgħu la superstizzjonijiet żgħar, u lanqas xi relikwi tal-folklor, iżda ġeroglifiċi ħajjin, il-marka ta’ kif ninnegozjaw l-inċertezza taż-żminijiet tal-lum.”

Arcana, mtella’ bl-għajnuna tal-Kunsill tal-Arti ta’ Malta, għal darb’oħra turi wkoll l-offerta ta’ Malta fix-xena internazzjonali tal-arti: Young Art Hunters (YAH) f’Milan bniet reputazzjoni għal wirjiet dinamiċi u kontemporanji li jattiraw kollezzjonisti, kuraturi, u professjonisti tal-arti minn madwar ix-xena internazzjonali, b’parteċipazzjoni regolari f’fieri tal-arti ewlenin.

L-aktar tema xierqa: Arcana

“Arcana ntgħażlet bħala l-aktar tema xierqa għal din il-wirja, peress li fl-imgħoddi, wirjiet oħrajn fil-gallerija wkoll esploraw approċċi kunċettwali simili. Huwa pjaċir tagħna nappoġġaw l-iżvilupp artistiku ta’ Falzon permezz ta’ involviment sinifikanti, bil-potenzjal għar-rappreżentanza u l-wiri tiegħu fil-fieri tal-arti,” qalet il-kuratur tal-YAH Milan Barbara Basile.

Se tiġi wkoll ikkreata kamra virtwali fuq youngarthunters.com bix-xogħlijiet kollha fil-wirja, li tagħti lill-pubbliku l-opportunità jarawha b’mod konvenjenti online sew wara tmiem il-wirja.

Falzon imbagħad se jissokta b’ wirja solo komprensiva fi Spazju Kreattiv f’Mejju 2026, mibnija fuq l-istess qafas kunċettwali u viżiv, u li għal darb’oħra tespandi fuq it-temi introdotti f’Milan.

“Wirjiet bħal dawn qed isaħħu n-narrattiva li qed tevolvi ta’ Falzon, minbarra li jikkultivaw djalogu bejn l-udjenzi lokali u internazzjonali,” jgħid François Zammit. “Ix-xogħol ta’ Falzon diġà ntwera l-Italja, il-Ġermanja u l-Belġju minbarra Malta. F’Milan, għal darb’oħra qed naraw opportunità biex nieħdu din il-lingwa viżiva ta’ Falzon – unikament Maltija anke jekk miżgħuda b’temi universali – lil udjenza internazzjonali li tfittex il-marka distintiva tiegħu fuq it-tila.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport