Il-Malta Photographic Society ilha għal dawn l-aħħar 59 sena toffri f’pajjiżna servizzi ta’ tagħlim u edukazzjoni marbuta mal-fotografija. L-għanijiet ta’ din is-Soċjetà minn dejjem kienu li tipromwovi f’pajjiżna l-għarfien u l-apprezzament lejn il-forom kollha marbuta mal-fotografija kif ukoll tfittex li tgħin lil dawk li jixtiequ jimirħu f’dan il-mistjier biex jikbru u jsiru jafu iktar kif l-aħjar jieħdu r-ritratti tagħhom kif ukoll kif wieħed juża l-apparat fotografiku.
Tul is-snin, il-Malta Photographic Society fittxet li tagħti esperjenzi varji lil dawk li kienu membri tagħha u li llum-il ġurnata minn passatemp saru jaħdmu fuq bażi professjonali. Il-Malta Photographic Society tgawdi l-istima għolja minn bosta assoċjazzjonijiet u għaqdiet oħra li mhux l-ewwel darba li fittxew fiha l-appoġġ biex jittellgħu wirjiet fotografiċi f’pajjiżna. Matul is-snin, mill-1961 meta twaqqfet, is-Soċjeta’ organizzat diversi kompetizzjonijiet fotografiċi fejn il-membri tagħha u l-pubbliku inġenerali seta’ jipparteċipa u jissottometti sensiela ta’ ritratti li dawn jiġu ġġudikati minn ġurija internazzjonali u lokali. Huwa fatt magħruf li bosta dilettanti tal-fotografija jkunu qegħdin jistennew minn sena għall-oħra dan l-avveniment annwali.
Ir-rebbieħa u numru sostanzjali ta’ ritratti li jiksbu unur, jiġu esebiti f’waħda mis-swali prestiġġjużi f’pajjiżna. Hija opportunità sabiħa għal dawk id-dilettanti li jkollhom il-fotografija tagħhom esebita lokalment. Il-Malta Photographic Society għandha l-pjaċir tħabbar li din is-sena wkoll, qed isejjaħ lill-pubbliku inġenerali biex jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni u esebizzjoni. Din is-sena, is-Soċjeta’ se tkun qed torganizza il-55 edizzjoni tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Fotografija li tibda mix-xahar ta’ Settembru, fejn dawk interessati, huma mistiedna biex nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru jġibu r-ritratti tagħhom ġewwa l-binja tal-imsemmija Soċjetà, li tinsab 137, Triq l-Ifran, il-Belt Valletta.
Bejn il-5 u l-21 ta’ Novembru, dawk ir-ritratti li jkunu rebħu u oħrajn li jkunu kisbu livell għoli ta’ kwalità fotografika, se jkunu qegħdin jiġu esebiti ġewwa Palazzo de La Salle li jinsab fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Kull min jixtieq iktar informazzjoni huwa mitlub li jżur is-sit eletroniku www.mpsmalta.com






