II-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Programm tas-Sajf tal-Istudenti 2025 ta’ Heritage Malta, li permezz tiegħu se jiġi provdut staġun mimli tagħlim u esperjenzi edukattivi mill-isbaħ għal tfal u żgħażagħ li għandhom għal qalbhom wirt pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija tal-programm, il-Ministru Owen Bonnici qal, “Mifrux bejn Lulju u Settembru madwar Malta u Għawdex, il-programm joffri 17-il workshop edukattiv imfasslin għal tfal ta’ bejn is-6 snin u t-13-il sena, ispirati mill-Biennale ta’ Malta tal-2026 u t-tema interessanti tiegħu: Tnaddaf, Tgħarraf, Tferraq.”
Huwa qal li l-programm ġie żviluppat bħala tħejjija kulturali u kreattiva għall-Biennale u jirrifletti l-ideat ewlenin ta’ kura ambjentali, għajxien sostenibbli, u konnessjoni soċjali. Dr Bonnici faħħar it-tmexxija u l-ħaddiema tal-Aġenzija u sostna li dawn l-inizjattivi jagħmlu ħafna ġid għat-tisħiħ tal-ekosistema kulturali ta’ pajjiżna.
Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta u President tal-maltabiennale.art 2026, Mario Cutajar, qal: “Il-biennale ta’ Malta daħal fil-kalendarju Malti biex ikun il-ħolqa bejn ilbieraħ u llum – it-tfissir mill-ġdid tal-istorja tagħna biex nifhmu iktar l-illum u lilna nfusna. L-arti hija l-għodda biex tiddiskuti dak li hu madwarna f’qafas ta’ patrimonju. Dan il-programm għas-sajf ta’ Heritage Malta jittanta jħejji lill-ġenerazzjonijiet t’għada biex jifhmu iktar dwar l-ambjent li jgħixu fih permezz tal-arti u japprezzaw iktar kemm hu importanti li l-mużewijiet tagħna jibqgħu dejjem għajn ta’ tagħrif u relevanza għas-soċjetà.”
Il-programm hu miftuħ għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha li għandhom il-Passaport tal-Istudenti ta’ Heritage Malta, li jista’ jinkiseb b’xejn mill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Il-biljetti jinkludu dħul għal adult wieħed li jakkumpanja l-parteċipant u jistgħu jinxtraw online minn www.heritagemalta.mt/store jew minn kwalunkwe sit ta’ Heritage Malta. Wieħed għandu jaħseb kmieni biex jaċċerta post għat-tfal, minħabba li l-ispazju għal kull attività hu limitat.
Il-postijiet fejn se jsiru l-attivitajiet jinkludu siti ikoniċi bħal MUŻA, il-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Palazz tal-GranMastru, il-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija, u l-Mitħna Ta’ Kola – li joffru lit-tfal opportunità unika biex jingħaqdu mal-patrimonju tagħhom filwaqt li jaħsbu f’ġejjieni aħjar.
Il-fuljett tal-programm jista’ jitniżżel minn https://heritagemalta.mt/leaflets-and-brochures/, u kopji fiżiċi se jkunu disponibbli fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta. Għal aktar tagħrif u dettalji dwar kull avveniment, żur: www.heritagemalta.mt/whats-on.