Saturday, December 28, 2024

L-artijiet tal-Knisja

Aqra wkoll

Il-Ħadd li għadda ddedikajt din il-paġna għal parti minn intervista li saret lill-Arċisqof Charles Scicluna mill-gazzetta Times of Malta fil-ġranet ta’ qabel. Il-Ħadd li għadda slit il-parti fejn l-Arċisqof ġie kwotat jgħid li jixtieq li l-Oppożizzjoni tkun aktar voċifera. Fi ftit kliem l-Arċisqof mhux kuntent bl-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Jien għażilt li nikkummenta fuq ir-reazzjoni tal-Arċisqof.

Sadattant naħseb li taf li b’tali reazzjoni l-Arċisqof Scicluna urta bil-kbir lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Mhux se nidħol f’dak il-mertu. Għalija dak inkwiet tagħhom f’tagħhom, inkwiet intern li ħareġ fil-beraħ. Għala u għaliex inħareġ fil-beraħ jafu l-Arċisqof Scicluna.

Illum se nitratta parti oħra mill-intervista, din id-darba fejn l-Arċisqof ġie kwotat iwieġeb u jikkummenta dwar artijiet tal-Knisja. L-Arċisqof ikkundanna r-regħba tal-iżviluppaturi fir-rigward tal-prezzijiet li bihom joffru l-proprjetajiet tagħhom għall-bejgħ.

Lill-Arċisqof inġibditlu l-attenzjoni li l-Knisja spiss tbiegħ artijiet lil negozjanti li mbagħad jiżviluppaw l-artijiet inkwistjoni b’regħba. Għal din ir-rimarka l-Arċisqof qomos u insista li le, ma jsirx hekk. L-Arċisqof qal li dak li jsir huwa li l-Knisja sempliċiment tbiegħ l-art, kif għandha kull dritt li tagħmel, biex tiġġenera dħul għaliha.

“Il-Knisja mhux qed tagħmel in-negozju hi, u jekk l-awtoritajiet responsabbli għall-ippjanar, sostenibilità u l-ambjent mhux qed jagħmlu xogħolhom biex jinżammu r-riedni tar-regħba, allura huma huma li għandhom jingħataw il-ħtija, u mhux il-Knisja. Iċċaħħadx lill-Knisja d-dritt li tagħmel id-dħul li teħtieġ mill-proprjetà tagħha għax l-ispejjeż żdiedu għal kulħadd, anke għall-Knisja. Meta nbiegħu l-proprjetà, tgħinha insostnu xogħolna u s-servizzi tagħna,” ġie kwotat jgħid l-Arċisqof.

Fl-opinjoni tiegħi l-Arċisqof tant ħassu maqrus bir-rimarka tal-ġurnalist li kompla jisplodi u ġie kwotat ikompli jwieġeb li “u xi ngħidu dwar l-art li għaddejna lill-Uffiċċju Konġunt għall-akkomodazzjoni soċjali? Il-ministru jiftaħar kemm irid dwar ftuħ ta’ akkomodazzjonijiet soċjali ġodda, imma qatt ma jsemmgħu li l-Knisja għaddiet dik l-art lill-Gvern għal €1,000 t-tomna. Ipprova ixtri biċċa art b’dak il-prezz. Ħadd ma jsemmi li dik kienet art tal-Knisja. Biex ma insemmix proprjetajiet li l-Knisja offriet kompletament b’xejn għal servizzi soċjali oħrajn.”
Nieqaf ftit hawn u nistedinkom tirriflettu ftit dwar dak kwotat. X’ħin għamilt hekk jien telgħu quddiem għajnejja diversi mistoqsijiet li nixtieq nagħmel lill-Arċisqof dwar dak kwotat li qal.

  • Jista’ l-Arċisqof Scicluna jgħidilna kif ġew għand il-Knisja l-artijiet li rrefera għalihom u li għaddiethom lill-Gvern bi prezz irħis?
  • Jista’ l-Arċisqof Scicluna jagħtina elenku ta’ kemm artijiet spiċċaw għand il-Knisja bi ‘tpartit’ ma’ suffraġju għal ruħ id-donatur/testatur u b’detriment għall-werrieta bioloġiċi tad-donatur/testatur?
  • Jista’ l-Arċisqof Scicluna jgħidilna kemm-il testment hemm ta’ din ix-xorta li b’riżultat tagħhom il-Knisja spiċċat b’daqstant proprjetà?
  • Jista’ l-Arċisqof Scicluna jgħidilna jaqbilx li saru testmenti ta’ din ix-xorta minn wara dahar il-kumplament tal-familja tad-donatur/testatur?
  • Ma jaħsibx l-Arċisqof li kien ikun ferm sewwa u xieraq li l-Knisja tirritorna tali artijiet lill-poplu bil-prezz li ħadithom – B’XEJN – bil-kundizzjoni li fuq tali artijiet jinbnew akkomodazzjonijiet soċjali?
  • Ma jaħsibx l-Arċisqof li kien ikun ferm sewwa u xieraq li l-artijiet li biegħet lin-negozjanti il-Knisja żviluppathom hi għall-akkomodazzjonijiet soċjali?

Nistennew u naraw x’għandu xi jgħid dwar dan kollu l-Arċisqof Scicluna.

Il-bilingwiżmu tagħna l-Maltin

Ridna jew ma ridniex, fl-istorja tagħna l-Maltin dejjem konna neħtieġu li nafu nitkellmu b’ilsien ieħor minbarra l-Malti. Għal sekli sħaħ taħt ħakma jew oħra, għarafna nadattaw il-ħiliet lingwistiċi tagħna biex stajna nikkomunikaw u nikkumerċjaw bl-aħjar mod possibli. Kien il-bidu tal-bilingwiżmu tagħna li baqa’ jikber sal-lum, meta saħansitra għandna battalja (x’aktarx diġà mitlufa u mirbuħa) bejn l-Ilsien Nazzjonali tagħna u l-Ingliż.

Dan kollu għadda minn moħħi dan l-aħħar meta ġie f’idejja l-ktieb ġdid tal-ħabib u eks-kollega Charles Flores, “Time…and Time Again” (Horizons). Lil Charles niftakru għal żmien twil Editur Lettererarju kemm ta’ l-orizzont kif ukoll ta’ It-Torċa. Niftakru jinżel ħdejna f’sezzjoni oħra tal-ħidma editorjali u mal-mibki Charles Miceli, li wkoll kien iħobb il-Letteratura, jaqsam miegħu xi xogħlijiet ġodda minn tiegħu.

Minn dawk is-snin ’l hawn, Charles Flores ħareġ diversi kotba, l-biċċa l-kbira minnhom bil-Malti, l-Ilsien li dejjem ħabb l-aktar. Fid-daħla tiegħu jispjega kif il-kultura Ingliża li tlajna fiha ħalliet l-impatt tagħha fuq il-ġenerazzjoni tagħna.

“Time…and Time Again” huwa ktieb ta’ poeżiji bl-Ingliż, uħud minnhom xxandru f’diversi kotba personali u antoloġiji li Flores ippubblika f’Malta u barra, bosta oħra ġodda fjamanti. Min hu ħabib tal-poeżija għandu xalata jislet l-emozzjonijiet li tqanqal il-poeżija u jixtarr il-messaġġ li twasslilna.

[email protected]

Ekonomija

Sport