Tuesday, November 26, 2024

L-artist Għawdxi Alfred Camilleri Cauchi ġie rikonoxxut għax-xogħlijiet artistiċi tiegħu

Aqra wkoll

Iben l-artist Għawdxi l-Komm. Agostino Camilleri, Camilleri Cauchi twieled fl-1943 ġewwa r-Rabat, Għawdex.

Huwa attenda l-Kulleġġ St Edward’s u l-Iskola tal-Arti f’Malta, imbagħad kompla javvanza l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ tal-Arti f’Edinburgu, l-Iskozja, wara li ngħata borża ta’ studju minn Lady Laycock, il-mara tal-Gvernatur Sir Robert Laycock.

Huwa l-awtur ta’ bosta opri artistiċi maħdumin fil-kartapesta, fil-bronż, fl-injam, fil-ġebla Maltija u anke fl-irħam. Dawn il-kapolavuri jinsabu mxerrdin madwar id-dinja kollha.

Huma ħafna l-knejjes parrokkjali lokali li jgawdu mix-xogħlijiet tiegħu, bħall-vari tal-Ġimgħa l-Kbira kif ukoll dekorazzjonijiet mal-artali u s-soqfa.

Huwa l-awtur ta’ bosta vari titulari, fosthom Kristu Re, Marija Reġina, Santu Wistin u San Ġorġ Preca.

Il-ħiliet artistiċi ta’ dan l-iskultur jispikkaw ukoll fil-bustijiet u monumenti nazzjonali li huwa ħadem sabiex jitfakkru ġrajjiet storiċi importanti bħall-monument f’ġieħ Malta Repubblika, kif ukoll diversi personalitajiet distinti fosthom Presidenti Maltin bħal Sir Anthony Mamo, Dott. Ċensu Tabone, Prof. Guido De Marco u l-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca.

Filwaqt li żamm ħajja s-sengħa tal-kartapesta tradizzjonali Maltija u xerridha barra minn xtutna, huwa reġa’ ta l-ħajja lis-sengħa tat-tnaqqix tal-istatwi fl-injam.

Huwa ħa sehem f’diversi wirjiet li ttellgħu kemm internazzjonalment kif ukoll lokalment speċjalment b’għan filantropiku. Rebaħ ukoll bosta kompetizzjonijiet mondjali tal-arti.

Alfred Camilleri Cauchi ngħata t-titlu prestiġjuż ta’ Kavallier tal-Unur tal-Ordine della Real Corona Balearica ta’ Spanja meta kien għad kellu biss 24 sena, wara li skolpa fl-irħam il-Via Sagra li nsibu f’Ta’ Pinu, Għawdex.

Fl-1998 huwa ġie onorat bħala Kavallier Akkademiku talOrdni Taljana Greci Marino u fl-2006 inħatar Surmast Onorarju Malti ta’ din l-istess Akkademja.

Sport