L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, fit-tliet snin li ġejjin ser tkun qiegħda tipprovdi finanzjament ta’ madwar nofs miljun ewro fis-sena għal kampanji edukattivi tal-aġenzija Sedqa kontra l-użu tal-kannabis u drogi oħra.
L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li b’dan il-ftehim, l-ARUC ser tkun qiegħda żżid b’59% l-investiment tagħha f’dawn il-kampanji b’dan ikun it-tieni ftehim mal-aġenzija Sedqa. Is-Segretarju Parlamentari qalet li parti mill-missjoni tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis hija li teduka dwar il-konsegwenzi tal-kannabis biex titnaqqas il-ħsara tagħha fl-aħjar interess tas-saħħa pubblika.
Hija nnotat b’sodisfazzjon kif stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li l-liġi dwar id-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis li tista’ tiġi akkwistata legalment biss mill-assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC, ma waslitx għal żieda filkonsum tal-kannabis.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li b’dan il-ftehim ta’ koperazzjoni mal-ARUC, l-Aġenzija Sedqa ser tintensifika d-diversi programmi edukattivi kontra kull tip ta’ abbuż ta’ sustanzi fost l-istudenti u l-adulti. Huwa qal li l-prijorità għandha tkun il-prevenzjoni u mhux il-kriminalizzazzjoni tal-persuni li jintrikbu millabbuż tad-droga.
Il-Ministru Falzon qal li l-aġenzija Sedqa ser tkompli taħdem fuq il-prevenzjoni u ser tipprovdi appoġġ professjonali lill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis biex tagħmel il-kampanji tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-liġi għall-użu responsabbli tal-kannabis.
Il-ftehim li jkopri sal-2027 ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-ARUC, Dr Joey Reno Vella u mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti.