L-Aquatic Sports Association fetħet investigazzjoni dwar “ksur potenzjali tal-integrità” li jinvolvi diversi players nazzjonali tal-waterpolo, wara li identifikat attività ta’ mħatri li tinvolvi diversi players.
Dan wara li ġie rrapportat fil-media lokali li sa 15-il individwu inklużi players u coach minn diversi clubs, ġew marbuta ma’ skandlu tal-imħatri.
Rapport imfassal mill-Malta Gaming Authority ippreżentat lill-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) wera evidenza ta’ mħatri mqiegħda fuq diversi avvenimenti tal-waterpolo, inklużi logħbiet tat-team nazzjonali ta’ Malta.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-ASA qalet li ma ħadet l-ebda azzjoni dixxiplinarja kontra l-players jew il-coach involuti minħabba li għadha ma rċevetx ir-rapport tal-Malta Gaming Authority dwar il-kwistjoni.
Fi stqarrija ġdida wara r-rivelazzjonijiet tal-Erbgħa, l-ASA qalet li issa qed tikkoopera mal-Awtorità Maltija tal-Logħob biex taċċessa r-rapporti tagħha dwar il-każ, wara li ż-żewġ entitajiet iffirmaw memorandum ta’ ftehim, nhar it-Tlieta.
L-ASA żiedet tgħid li filwaqt li jidher li kien hemm ksur, “il-fehma preliminari ma tissuġġerixxix xi rranġar tal-logħob jew tentattivi deliberati biex jiġu kompromessi r-riżultati tal-kompetizzjoni”.
“Ġiet identifikata xi attività ta’ mħatri fost ċerti individwi li tikkostitwixxi ksur, iżda l-imġieba osservata ma tidhirx li tikkostitwixxi rranġar tal-logħob,” qalet l-ASA.
L-ASA qalet li l-investigazzjoni, immexxija mill-uffiċċju tal-integrità tagħha, għadha għaddejja, u wiegħdet li tindirizza kwalunkwe attività li tikkomprometti l-kredibbiltà tal-isport “bl-akbar serjetà”.
“L-Assoċjazzjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ li żżomm l-ogħla livelli ta’ integrità fl-isports akkwatiċi,” qalet.
L-ASA ppreferiet li ma ssemmix lill-players involuti, u qalet li mhux se tagħmel xi kummenti addizzjonali “sabiex tissalvagwardja l-integrità tal-proċess li għaddej”.
Fost dawk identifikati fir-rapport tal-MGA hemm sitt players tat-team nazzjonali, flimkien ma’ individwi oħra konnessi ma’ diversi clubs, prinċipalment San Ġiljan u Sliema. L-investigazzjoni tinvolvi wkoll coach tat-team tal-Youths.
Player wieħed ta’ San Ġiljan huwa maħsub li għamel imħatri li jammontaw għal aktar minn €22,000, b’imħatri oħrajn jammontaw għal ammonti ferm iżgħar.

