Monday, June 9, 2025

L-ASA u l-MWRA jiffirmaw ftehim storiku dwar riformi fir-Refereeing

Ġiet imnedija l-Akkademja tar-Referees tal-Waterpolo

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku (ASA) u l-Assoċjazzjoni Maltija tar-Referees tal-Waterpolo (MWRA) iffirmaw ftehim storiku li jwitti t-triq għal riformi ewlenin fil-qasam tar-referees tal-isports akkwatiċi Maltin. Il-ftehim juri impenn imġedded biex jittejbu l-istandards, il-professjonaliżmu, u r-rappreżentanza internazzjonali tar-referees lokali.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Sur Karl Izzo, Presidenti tal-ASA, is-Sur George Farrugia, Segretarju Ġenerali tal-ASA, is-Sur Mario Dalli, President tal-MWRA u s-Sur Peter Balzan, Segretarju tal-MWRA.

Il-ftehim jiddeskrivi kollaborazzjoni strutturata u strateġika, li tikkuntratta uffiċjalment lir-referis tal-MWRA biex jissorveljaw id-dmirijiet tal-uffiċjali fil-kompetizzjonijiet akkwatiċi nazzjonali kollha.

Dawn jinkludu logħbiet fid-diviżjoni Premier u anke tal-Ewwel Diviżjoni, kampjonati taż-żgħażagħ u tan-nisa, waqt tournamentsu anke logħob ieħor domestiku tal-water polo li jsir madwar Malta u Għawdex.

Parti ċentrali tal-ftehim huwa l-approvazzjoni ta’ proposta ta’ riforma komprensiva bit-titlu “Titjib tal-Livell u l-Involviment tar-Referees tal-Waterpolo.”

Il-proposta tintroduċi l-ħolqien ta’ Akkademja tar-Referees tal-Waterpolo, istituzzjoni pijuniera taħt il-gwida tal-ASA ddedikata għall-iżvilupp u ċ-ċertifikazzjoni tar-referees. L-Akkademja se toffri taħriġ strutturat, mentoring, u edukazzjoni kontinwa kemm lir-referees ġodda kif ukoll lil dawk b’esperjenza.

Barra minn hekk, il-ftehim jistabbilixxi qafas biex ir-referis Maltin jinħatru għal inkarigi internazzjonali, biex jiżgura li jkomplu jiksbu esperjenza siewja barra minn Malta u jirrappreżentaw lil Malta bi professjonaliżmu u integrità.

Karl Izzo, President tal-ASA qal li “r-referies huma pilastru kruċjali f’kull sports. Dan il-ftehim jirrifletti dak li nemmnu fih li ninvestu fil-kwalitajiet tagħhom u nassiguraw li Malta jkollha l-ogħla livelli li huma l-istess tal-livell internazzjonali.”

Min-naħa tiegħu Mario Dalli, President tal-MWRA qal li “permezz tal-Akkademja tar-Referis u dan l-isforz kollaborattiv, qed nibnu struttura soda li tiżgura l-ġustizzja, l-awtorità, u r-rispett għall-uffiċjali fil-livelli kollha tal-kompetizzjoni.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport