Saturday, December 21, 2024

L-ASPETT EKONOMIKU TAL-BUDGET LI JMISS

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija baqgħet reżiljenti fis-sena li dieħla fl-aħħar kwart tagħha. Reżiljenza li xhieda tagħha huma l-figuri mogħtija fil-Pre Budget Document ippubblikat riċentament mill-gvern. Ir-rating ta’ pajjiżna ghal A+ minn bosta credit ratings barranin hija xhieda ta’ ekonomiija li għalkemm qiegħda topera f’ambjent politiku u ekonomiku internazzjonali instabbli qed turi tkabbir previst ta’ 4.9% għal din is-sena.

U bil-premessa ta’ ekonomija reżiljenti, il-budget li jmiss ser ikun qed iħares kif ikompli jiggarantixxi tkabbir. Tkabbir li kif msemmi fil-Pre Budget document għandu jkompli jsaħħaħ setturi li sal-lum baqgħu jservu bħala sostenn tal-ekonomija Maltija – it-turiżmu, il-kostruzzjoni, is-settur finanzjarju u dak tal-gaming. Setturi li baqgħu b’saħħithom u li għad ghandhom fejn ikomplu jevolvu. Is-settur turistiku jibqa’ s-sinsla tal-ekonomija lokali. U filwaqt li qed jiġu reġistrati numri pożittivi, is-settur għadu jrid jagħmel pass sinjifikanti biex jilħaq il-miri stabbiliti fl-istrateġija għall-għaxar snin li ġejjin f’termini ta’ kwalità. 

Imma filwaqt li għandu jibqa’ jara li jkun hemm kontinwità f’dawn is-setturi, irid iħares lil hinn lejn niċeċ ġodda fejn pajjiżna jista’ jeċċella. Setturi li għandhom ċertament jinkorporaw id-dinja digitali u innovattiva, il-green technology kif ukoll l-enerġija rinovabbli. Pajjżna jrid ukoll iħares lejn setturi oħrajn li qed joffru opportunità fosthom l-avjazzjoni. Ejja ma ninsewx li ftit tal-jiem ilu tħabbar li Malta esperjenzat rekord ta’ ajruplani fuq ir-reġistru taghha. Rekord li għandu jkompli itina l-kuraġġ li ninvestu f’dan is-settur. 

Il-punt kruċjali jibqa’ dak tar-riżorsi umani. Uġigħ ta’ ras li l-gvern beda jindirizza b’mod konkret imma ċertament għad baqa’ ħafna x’isir. Pass importanti kif elenkat fil-pre budget document ser tibqa’ l-edukazzjoni. Dan wisq aktar meta wieħed jirreferi għal dak li riċentament stqarret l-Assoċjazzjoni għal Min Iħaddem (MEA) li l-ekonomija Maltija f’riskju li tikkollassa minħabba nuqqas ta’ riżorsi. Stqarrija li titlob ħafna ħsieb u azzjoni immedjata.

Għaldaqstant, il-budget li jmiss mistenni li jkun qed iħabbar miżuri u inċentivi ġodda biex l-edukazzjoni tilgħab rwol ċentrali fl-ambizzjonijiet ekonomiċi tal-gvern. Miżuri li wieħed jistenna li ser ikunu konkreti u mmirati biex itaffu l-isfida tat-talent. Ejja ma ninsewx li pajjiżna dejjem eċċella permezz tat-talent li għandu. Talent li bosta drabi għamel id-differenza biex pajjiżna jkun protagonist fuq livell internazzjonali. Talent illi tul is-snin ikkontribwixxa għar-reziljenza u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija. 

Ekonomija

Sport