Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay tkellem dwar is-sitt snin ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, u qal li l-aktar li spikka fih kien il-lat uman, f’diversi każijiet. Fosthom meta mar fl-Isptar Monte Carmeli biex iżur żagħżugħ li allegatament kien poġġa xi splussiv barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
McKay qal li din l-esperjenza ħallietlu marka profonda fuqu. Huwa rrakkonta illi dan il-każ sar jaf bih meta Dr Abela laqqgħu ma’ missier iż-żagħżugħ, u wera x-xewqa li jmur personalment iżuru fl-isptar fejn kien rikoverat.
Huwa kompla jgħid li meta marru hemmhekk, f’diskursata li Dr Abela kellu maż-żagħżugħ, urieh li minkejja li ma ġġustifikax l-allegat att tiegħu, għaraf x’kien hemm wara din l-azzjoni. Il-Prim Ministru kien ta kuraġġ liż-żagħżugħ biex ikompli fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni.
“U hawn rajt kif Dr Abela ġab l-ewwel u qabel kollox l-interess ta’ din il-persuna,” qal McKay filwaqt li spjega li aktar tard il-Prim Ministru kien ċempillu u qallu li dak iż-żagħżugħ kellu bżonn l-għajnuna nkluż fil-kawża li għandu quddiem il-Qorti.
“Hawn rajt l-element uman ta’ Dr Abela bħala Prim Ministru kif ukoll bħala Mexxej tal-Partit Laburista,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Minbarra dan, McKay tkellem ukoll dwar il-kisbiet li għamel Robert Abela minkejja l-isfidi li affaċċja fosthom iż-żmien tal-pandemija u l-gwerer internazzjonali. Semma wkoll li Robert Abela kien protagonista biex pajjiżna seta’ jiżviluppa sew ekonomikament, b’rekord wara l-ieħor fil-qasam tax-xogħol u li kien l-uniku Prim Ministru fl-Ewropa li minkejja li baqa’ jżomm is-sussidji, naqqas it-taxxi u żied il-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet.
Mill-aspett politiku ta’ partit, Leonid McKay enfasizza t-twemmin ta’ Robert Abela li l-pajjiż ma jistax ikollu Gvern b’saħħtu jekk ma jkollux ukoll partit b’saħħtu. Fost il-ġrajjet li se jibqa’ msemmi għalihom, Robert Abela se jibqa’ mfakkar li wassal lill-partit għat-tiġdid u dan għamlu waqt li kien fil-Gvern.

