Miktub minn CARMEN CACHIA
Kwart tat-tfal f’Malta u Għawdex fil-perjodu tal-Covid-19 mhumiex imorru l-iskola. Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika 2020-2021 il-Gvern ħabbar konċessjonijiet straordinjarji għal dawk l-istudenti li għandhom raġunijiet ta’ saħħa u anke ta l-libertà tal-għażla lill-ġenituri jekk jibagħtux lit-tfal l-iskola jew le.
Fuq mistoqsija li saritlu fil-Parlament, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol poġġa fil-Kamra l-figuri relatati kulleġġ b’kulleġġ, skola bi skola ta’ kemm tfal fallew u l-persentaġġi ta’ assentejiżmu fuq it-total tal-popolazzjoni ta’ kull skola.
Dawn huma d-dettalji li ta:
Kulleġġ ta’ Għawdex l-iskola bl-għola persentaġġ ta’ assentejiżmu kkomparat mal-popolazzjoni tal-iskola hija dik Primarja fl-Għarb, bi 23.08% li 7.69% minnhom fallew għax huma “excused”. L-inqas skola li kellha assentejiżmu f’Għawdex hija l-Primarja ta’ San Lawrenz b’0% fuq popolazzjoni ta’ 27 student. Ir-rata medja ta’ assentejiżmu f’dan il-Kulleġġ hija ta’ 7.56%.
Kulleġġ ta’ Marija Reġina li jkopri l-iskejjel fil-Għargħur, Mellieħa, Mosta, Naxxar, Qawra u San Pawl il-Baħar, l-iskola bl-għola persentaġġ ta’ assentejiżmu kkomparat mal-popolazzjoni tal-iskola hija dik Sekondarja tal-Mosta (19.35% fuq 434 student) u dawn mhux minħabba raġunijiet mediċi. L-aktar skola f’dan il-kulleġġ li qiegħed ikollha attendenza mill-istudenti tagħha hija l-Primarja B tal-Mosta b’persentaġġ għoli ta’ 94.8%. Il-medja ta’ attendenza f’dan il-kulleġġ hija ta’ 77.42%.
Kulleġġ San Benedittu li jinkorpora fih total ta’ 3,284 student, l-ogħla persenteġġ ta’ assentejiżmu fost l-istudenti huwa rreġistrat fl-iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq b’17.29%. Dan il-perċentwal xorta żamm il-popolazzjoni tal-iskola għolja b’79.54%. Min-naħa l-oħra r-Resource Centre ta’ Helen Keller fil-Qrendi għandu 56.25% tal-attendenza fost l-istudenti tagħha fejn 31.25% mit-32 studenti bi bżonnijiet speċjali li għandhom, huma “excused”. L-aktar skola li rreġistrat attendenza għolja f’dan il-Kulleġġ hija l-Primarja tal-Gudja b’81.10%.
Kulleġġ Santa Klara b’kollox għandu tmient iskejjel fl-inħawi tal-Gżira, Pembroke, San Gwann, tas-Sliema u San Ġiljan. Il-Primarja tal-Gżira għandha l-ogħla perċentwal ta’ assenza b’19.13%, mentri r-Resource Centre ta’ San Miguel ma kellu ebda assenza mhux ġustiffikata minħabba raġunijiet mediċi jew “excused”. L-iskola li għandha l-inqas perċentwal ta’ studenti li qegħdin ifallu hija l-iskola Primarja ta’ Pembroke li fiha jattendu 400 tifel u tifla.
Kulleġġ Dun Gorg Preca li jkopri l-inħawi tal-Ħamrun, Blata l-Bajda, Floriana, Marsa, Imsida, Pieta u l-Belt Valletta, irreġistra l-ogħla assentejiżmu fl-iskejjel lokali b’56.25% għas-16-il student li għandu l-Educational Hub fl-Imsida. 6.25% minnhom ma jmorrux minħabba raġunijiet mediċi. Fl-istess Kulleġġ, l-inqas fl-iskola li rreġistrat assentejiżmu hija l-Primarja tal-Floriana (6.17%) u dawn mhux għal raġunijiet mediċi. Il-Guardian Angel Education Resource Centre fil-Ħamrun għandu 0% assenza fejn 41.30 minnhom huma “excused”. Il-medja ta’ assenza fl-iskejjel taħt dan il-kulleġġ hija ta’ 24.08% fuq popolazzjoni ta’ 2,176 studenti.
Kulleġġ ta’ San Ignatius – Fuq total ta’ 3,274 studenti f’dan il-Kulleġġ il-medja ta’ assentejiżmu hija ta’ 10.05. L-aktar skola li rreġistrat studenti jfallu hija dik Medja tal-Ħandaq b’14.06% u l-inqas 0% mil-Learning Support Centre ta’ Zebbug li għandu biss tliet studenti. Warajh l-inqas rata ta’ assentejiżmu hija fl-iskola tal-Primarja tas-Siġġiewi b’1.69% tal-istudenti li ma jmorrux.
Kulleġġ ta’ Santa Margerita – Hawnhekk, l-iskola Primarja tax-Xagħjra rreġistrat l-inqas rata ta’ assentejiżmu b’2.3% fost il-11-il skola miġbura fih, mentri l-għola rata ta’ studenti li mhumiex imorru l-iskola hija dik Sekondarja tal-Verdala b’29.41%. Il-popolazzjoni f’din l-iskola hija ta’ 476 studenti 11.97% minnhom “excused”.
Kulleġġ San Nikola rreġistra l-inqas assenza fl-iskola Primarja ta’ Ħad-Dingli b’0.96% biss u warajh il-Primarja tal-Baħrija għandha 1.79% mill-istudenti li mhumiex jattendu. L-għola rata ta’ studenti li qegħdin ifallu hija fil-Primarja tal-Imtarfa b’14.47%. L-attendenza fl-Imtarfa hija ta’ 59.21% fuq 76 student li jmorru fiha. Il-medja ta’ attendenza fil-Kulleġġ kollu ta’ San Nikola hija ta’ 80.01% u r-rata tal-assentejiżmu hija ta’ 5.24% (0.48% raġunijiet mediċi u 14.27% “excused”).
Kulleġġ Santa Tereża l-iskola Primarja li tgħaqqad fiha studenti minn Lija, Balzan u l-Iklin irreġistrat l-inqas assentejiżmu b’2.48% mentri l-għola (16.23%) hija fl-Iskola Medja ta’ Birkirkara fuq popolazzjoni ta’ 419 student. 14.56% minnhom huma “excused” milli jattendu.
Kulleġġ ta’ St Thomas More iħaddan fih total ta’ 4,543 studenti mil-lokalitajiet tal-Fgura, Marsaskala, Marsaxlokk, Tarxien, Zejtun, kif ukoll il-Learning Support Centre fil-Ħamrun, l-Alternative Learning Programe f’Paola u żewġ skejjel MVPA. Dan il-Kulleġġ kellu medja ta’ assentejiżmu ta’ 11.31%. L-ogħla u l-inqas perċentwali ġew irreġistrati fl-iskejjel tal-MVPA b’ogħla ta’ 22.87% assenti f’waħda u 4.17% fl-oħra. L-ammont ta’ studenti li jattendu dawn iż-żewġ skejjel huwa ta’ 411 u 168 studenti rispettivament.
L-Iskola Virtwali li ġiet imtella’ din is-sena minħabba l-Covid-19, għandha total ta’ 478 studenti li 45.19% minnhom mhumiex jattendu. Dawk b’raġunijiet ta’ saħħa jammontaw għal 0.63% mentri “excused” hemm 0.84%.