Tuesday, December 24, 2024

L-assi ta’ Batistuta ffriżati fuq nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa

Aqra wkoll

L-eks leġġendarju internazzjonali Arġentin, Gabriel Batistuta, kellu l-assi tiegħu ffriżati f’pajjiżu fuq madwar €32 miljun ta’ taxxi mhux imħallsa.

Skond il-media Arġentina, il-maġistrati f’belt twelidu ta’ Reconquista ordnaw l-iffriżar tal-assi għal mill-inqas ħamest ijiem, jew sakemm ikunu tħallsu t-taxxi pendenti.

Hemm ukoll 15% interessi li jridu jit­ħallsu fuq is-somma pendenti, flimkien mal-kontribuzzjonijiet soċjali, għal total ta’ kważi erba’ miljun pesos, madwar €32 miljun.

Batistuta diġà kien involut fi kwistjoni­jiet ta’ taxxa f’dawn l-aħħar snin fl-Arġentina, peress li kien wieħed minn diversi atleti li sostna li l-kontribuzzjoni mitluba mill-Gvern biex jgħin lil kulħadd fil-pandemija tal-Covid-19 kienet inġusta.

Oħrajn li ppruvaw jieħdu passi legali kontra l-ħlas tal-kontribuzzjoni jinkludu lill-eks attakkant ta’ West Ham, Manchester United, Manchester City u Juventus, Carlos Tevez.

Batistuta, li llum għandu 53 sena, irtira fl-2005 wara li qatta’ ħafna mill-karriera tiegħu fl-Italja ma’ Fiorentina, Roma u Inter.

Huwa skorja 183 goal fi 318-il dehra fis-Serie A, kif ukoll 16 f’26 logħba fis-Serie B għall-Viola.

Ekonomija

Sport