Friday, October 17, 2025

L-assistenza finanzjarja u l-fondi ta’ solidarjetá se jkomplu jitqassmu – Bjorn Vassallo (president tal-Malta FA)

Aqra wkoll

Ħbieb, qabel kollox nirringrazzjakom tal-attendenza tagħkom f’din is-sala llejla. Nifraħ għal darb’oħra lil Trustin Farrugia Cann li ġie elett ftit tal-ħin ilu bħala t-tielet viċi-president tal-Assoċjazzjoni u nawguralu l-ħidma t-tajba f’dan l-irwol amministrattiv ġdid.

Trustin huwa persuna li jaħdem ħafna u persważ li se jħalli vojt fil-kamp tar-referees f’pajjiżna, mhux biss bħala uffiċjal fuq il-pitches imma wkoll bħala amministratur tant li sal-lum għadu l-president tal-MFRA. Issa l-affarijiet se jżiedu għalih u se jaħdem bħall-uffiċjali kollha l-oħra fuq l-interessi tal-futbol Malti u Għawdxi.

Iżda kif iltqajna nieħu din l-opportunita’ biex bħal dejjem nirringrazzjakom tas-sostenn li tagħtuna f’kull żmien u nfakkarkom li l-Assoċjazzjoni qiegħda hemm għalikom u għal bżonnijiet tagħkom. Għadna kif rajna preżentazzjoni fuq l-infiq finanzjarju favur il-membri f’kull livell tal-piramida, investimenti li għall-Assoċjazzjoni huma mportanti, iżda li jagħtuna sodisfazzjon kbir meta naraw lilkom tirsistu u taħdmu b’dedikazzjoni biex tmexxu l-logħba tal-futbol ‘il quddiem. U lilna tagħtuna s-saħħa li nibqgħu nistikaw biex dejjem nkattru l-ġid għalikom. Permezz tal-istrateġija l-ġdid se nkomplu nwettqu u nilħqu objettivi fl-aħjar interess tal-logħba, l-membri tagħha u dawk li jsegwuha. Għandna avvenimenti mportanti ġejjin u rridu nkunu ppreparati sew, se jkunu xhur importanti dawk li ġejjin fl-aħħar tas-sena u dawk li se jmexxuna fl-ewwel kwart tas-sena l-ġdida.

Din is-sena kienet ikkaraterizzata mill-Anniversarju tal-125 sena mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni. Avveniment importanti fl-istorja tal-MFA li ċċelebrajnih bl-aħjar mod possibli. U fadal. Il-qofol jintlaħaq fit-8 ta’ Diċembru bil-finali tal-Jubilee Cup kemm għan-nisa u kif ukoll għall-irġiel. Kompetizzjoni ta’ darba li qed tfakkar dan l-Anniversarju speċjali li ftit tal-jiem ilu ra l-ftuħ uffiċjali taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol. Proġett li kien ilu ħafna snin biex isir u li issa twettaq u li fi ftit ġimgħat oħra se jingħata l-ħajja meta se jibda jintuża b’mod funzjonali u komplut. Dan sar grazzi għall-ħidma ta’ ħafna persuni u għall-viżjoni li għandha l-MFA biex tkompli timmodernizza l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna minn fejn il-futbol jista’ jkompli jespandi.

Fuq livell ta’ aktar assistenza finanzjarja, illum nixtieq inħabbar li intlaħaq qbil fil-prinċipju biex il-fondi ta’ solidarjeta’ li kienu jgħaddu fil-kamp ġovanili u lin-nurseries u li ntilfu għall-maġġoranza tal-klabbs apparti minn dawk tal-Premier League wara l-ftehim bejn il-UEFA u l-ECA, se jkomplu jitqassmu u dan wara li l-Assoċjazzjoni ħadmet biex permezz ta’ ftehim li se jkun konkluż sal-aħħar tas-sena l-fondi jkunu disponibbli għat-tlett snin li gejja wkoll. Dak li huwa strateġiku huwa mportanti, se jwassalna, iżda s-solidarjeta’ għandha sinifikat ferm aktar abbundanti għaliex din issaħħ l-interess komuni, mingħajr distinzjoni u deskriminazzjojni ta’ xejn. Huwa għalhekk li se nkomplu naħdmu f’din id-direzzjoni u nħeġġukom tkunu dejjem hemm meta naħsbu f’xulxin, bil-koeżjoni u l-ugwaljanza bħala forzi ewlenin.

Dan jimlini bl-enerġija biex dak li bdejna flimkien b’ġenwinita’ inkompluh u nattwawh. Ngħożżu l-għaqda bejnietna, r-rsipett lejn l-istituzzjoni u l-istrutturi tagħha u nsaħħu l-motivazzjoni li xejn m’għandu jaqtalna qalbna. Għamilna affarijiet ambizzjużi u kbar flimkien anki f’mumenti diffiċli u ta’ sfida, nibqgħu magħqudin u persważ li l-ħidma u s-sagrifiċċji jkunu ppremjati b’aktar sodisfazzjonijiet għalina lkoll u għal l-logħba li tant inħobbu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport