L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) tixtieq tiċċara l-pożizzjoni tagħha fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet riċenti magħmula mill-Partit Nazzjonalista dwar każ li jinvolvi wieħed mill-eks segretarji eżekuttivi tagħha, u f’ dak il-perjodu EU Funds Manager.
Mhix fin-natura tal-Assoċjazzjoni li tidħol f’dibattiti politiċi partiġġjani. Għal ħafna snin, l-AKL dejjem ressqet ’il quddiem l-interessi ta’ membri tagħha kollha – jiġifieri l-kunsilliera kollha eletti, il-kunsilli lokali kollha u s-sistema tal-gvern lokali b’mod ġenerali. Din kienet u tibqa’ l-unika gwida tax-xogħol tagħna.
Dan iddikjarah Mario Fava, President tal-AKL fi stqarrijafejn spjega li madankollu, l-Assoċjazzjoni ma tistax tibqa’ siekta quddiem dikjarazzjonijiet żbaljati li jistgħu jfixklu l-ħidma, reputazzjoni tagħha jew ipoġġuha f’dawl negattiv.
F’dan il-kuntest, Fava rrefera għad-dikjarazzjoni għall-istampa maħruġa mill-Partit Nazzjonalista dwar każ li seħħ fl-2012. Il-fatti huma dawn: “Il-każ imsemmi għandu x’jaqsam ma’ proġett Ewropew li kellu l-għan li jixtri komposter żgħir sabiex studenti ta’ skola waħda jkunu jistgħu jifirdu l-iskart organiku u jittrasformawh f’kompost. Dan il-każ ma kellu x’jaqsam xejn mal-ebda kuntratt tal-ġbir tal-iskart, la tal-passat u lanqas tal-preżent. Il-persuni msemmija f’dan il-każ qatt ma kienu konsulenti tal-Assoċjazzjoni, iżda kienu impjegati bħala maniġers tal-proġetti Ewropej f’dak iż-żmien”
Enfasizza li tul il-proċess kollu, l-amministrazzjoni preżenti tal-AKL kkolaborat dejjem mal-awtoritajiet investigattivi u ppreżentat l-informazzjoni kollha mitluba. Qal ukoll li l-impressjoni li qed tingħata fid-dikjarazzjoni tal-Partit Nazzjonalista – li l-Assoċjazzjoni kellha x’taqsam b’xi mod f’dan il-każ – hija żbaljata kemm politikament kif ukoll etikament.
Fava tenna li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tafferma l-impenn tagħha li tkompli taħdem għall-ġid tar-residenti u biex ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna, dejjem tpoġġi l-interess tar-residenti l-ewwel u tibqa’ ’l fuq minn kull politika partiġġjana.