Sunday, November 24, 2024

L-Assoċjazzjoni Pedjatrika tappella lill-ġenituri biex ilaqqmu lil uliedhom kontra l-Covid-19

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatrija appellat lill-ġenituri biex ilaqqmu lil uliedhom bit-tilqima kontra l-Covid-19.

Hija għamlet dan l-appell għal diversi raġunijiet fosthom semmiet il-fatt li minkejja li l-kumplikazzjonijiet serji minn infezzjoni tal-Covid-19 fit-tfal mhumiex komuni, it-tfal xorta waħda jistgħu jesperjenzawhom.

Fl-istess waqt hija qalet li t-tfal li għandhom bejn il-5 snin u l-11-il sena jirrispondu tajjeb għall-vaċċin ta’ kontra l-Covid-19 li huwa approvat bħalissa li ntwera li huwa 90% effettiv kontra dan il-virus.

L-Assoċjazzjoni aċċennat għall-fatt li l-vaċċin diġà ntwera li huwa sigur meta ttieħed minn miljuni ta’ tfal fl-Istati Uniti.

Semmiet li r-riskju ta’ mijokardite, li hija infjammazzjoni tal-qalb, huwa estremament baxx filwaqt li sostniet li din l-infjammazzjoni xorta waħda tista’ sseħħ b’infezzjoni tal-Covid-19. 

Fl-aħħar nett, l-Assoċjazzjoni sostniet li l-vaċċin se jipproteġi lit-tfal mill-infezzjoni tal-Covid-19 matul il-pandemija attwali.

Il-vaċċin tal-Covid-19 tat-tfal wasal f’Malta fit-13 ta’ Diċembru u minn l-għada bdew jitlaqqmu, bl-ewwel prijorità jkunu dawn it-tfal li għandhom mard meqjus bħala vulnerabbli.

Id-doża li tingħata lit-tfal hija ta’ madwar terz ta’ dik li tingħata lill-adulti.

Sport