Friday, December 13, 2024

L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tappella sabiex tittieħed azzjoni immedjata fuq il-Forti Salvatur

Aqra wkoll

Il-Forti Salvatur inkluż Bieb is-Salvatur, li jinsab biswit it-tieni daħla għall-Kalkara, għandu storja kbira u interessanti. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-istat diżastruż u ta’ telqa li jinsab fih illum u l-mod ta’ kif qed jintuża.

L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara temmen li postijiet storiċi bħal dan il-forti għandu jinstabilhom użu alternattiv, mhux biss li jagħmlilhom ġieh, iżda wisq iżjed li jżommhom ħajjin taħt manutenzjoni kontinwa. L-Assoċjazzjoni tinnota li:

  1. Fil-preżent dan il-forti huwa propjetà privata wara li kien inbiegħ mill-Gvern fl-1982. Għaldaqstant, il-Forti Salvatur għandu jiġi rekwiżizzjonat minnufih mill-Gvern Ċentrali u l-utent/i preżenti jingħata post alternattiv fejn jista’ jagħmel ix-xogħol b’mod iżjed adegwat. L-Assoċjazzjoni temmen li l-istat preżenti tal-forti u l-operat li kien jew għadu jsir fih mhux sostenibbli li jsir ġewwa post storiku bħalma hi din il-forti.
  2. Ikun adegwat li din il-forti tiġi rijabilitata, restawrata u jinstab użu alternattiv adegwat għaliha, fosthom li jsaħħaħ il-kummerċ turistiku f’din iż-żona u anki joħloq impjiegi għan-nies tal-inħawi.
    L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tappella sabiex tittieħed azzjoni immedjata fuq il-Forti Salvatur, inkluż Bieb is-Salvatur, qabel ma dawn jintilfu għal kollox u nkunu tlifna ġojjel ieħor storiku u arkitettoniku ta’ pajjiżna.
Ekonomija

Sport