Sunday, December 22, 2024

L-assoċjazzjonijiet tal-kannabis liċenzjati f’pajjiżna jitilgħu għal ħamsa

Aqra wkoll

Inħarġu tliet liċenzji ġodda lil assoċjazzjoniet għall-użu personali tal-kannabis biex b’hekk issa dawk liċenzjati telgħu għal ħamsa .

L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis fakkret lill-membri prospettivi li l-assoċjazzjonijiet imniżżla fuq is-sit biss jistgħu jikkultivaw u jiddistribwixxu kannabis lill-membri. Is-sħubija hi limitata għal residenti Maltin ta’ ’l fuq minn 18-il sena u trid tiġi pprovduta kopja tal-karta tal-identità lill-assoċjazzjoni bħala prova. 

Intant f’Novembru l-Awtorità organizzat taħriġ għall-istess assoċjazzjonijiet b’rabta mas-settur u kif jitnaqqas ir-riskju kif ukoll ir-relazzjoni bejn is-saħħa tal-pubbliku u r-regolamenti b’rabta ma’ kannabis mhux għall-użu mediku.  Barra minn hekk, il-kelliema enfasizzaw l-importanza li jiġi rikonoxxut li gruppi soċjali differenti ta’ utenti tal-kannabis jeħtieġu għodod u attenzjoni differenti.

Ir-relazzjoni interdipendenti bejn is-sostenn ta’ bażi mhux għall-profitt u approċċ għat-tnaqqis tal-ħsara ġibdet l-attenzjoni tal-parteċipanti u ffukat fuq l-importanza li jiġi prijoritizzat approċċ tas-saħħa pubblika għall-kuntrarju ta’ wieħed immexxi mill-profitt ibbażat fuq il-massimizzazzjoni tal-bejgħ. B’esperjenzi ta’ kelliema mill-Belġju, Spanja, l-Istati Uniti u l-Urugwaj, il-kelliema enfasizzaw l-elementi fundamentali ewlenin tal-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-aspett soċjali bħala fattur protettiv kontra riskji assoċjati mal-użu tal-kannabis.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit:

https://aruc.mt/operational-chras/?fbclid=IwAR2YMxcq_vyr0FmCHDO2cK452Ef67jc4I6Z0NQITt4zIuX0UsAryz36nxkw
Ekonomija

Sport