Tuesday, March 4, 2025

L-atletika hija mediċina b’xejn għas-saħħa tiegħek li nixtieq ħafna aktar persuni jiskopru – Simon Borda

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Sa min etá pjuttost żgħira kont diġá bdejt nikkompeti ġo Fun Runs, bl-aktar waħda forsi popolari dak iż-żmien kienet organizzata mill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), tiġrija li għadha ssir sal-lum. Wara waqfien pjuttost twil, ħija Manfred kien atleta tassew tajjeb u dejjem segwejtu bl-akbar attenzjoni. Pero’ xorta kont għadni ma qbadtx l-atletika bħala sport. Anzi bil-maqlub il-life style kienet pjuttost bil-maqlub ta’ dak mistenni minn atleta.  Fil-veritá kont inpejjep ħafna u kelli diversi kundizzjonijiet mediċi li stajt insolvi biss jew bil-mediċina jew bi sport. Għażilt l-isport u qatt ma ddispjaċieni xejn. Ilni għal dawn l-aħħar tmien snin nieħu l-isport tal-atletika bis-serjetá, u għalkemm m’iniex atleta li se nikseb suċċess xorta nħossni kuntent li nista’ nikkompeti f’mijiet ta’ tiġrijiet 5km, 10km, 21km u issa bi kburija nista’ ngħid li anke l-42km.

Għax l-atletika fil-livell tagħna hija kompetizzjoni miegħek innifsek. Tħobb l-atletika jekk tkun kapaċi tagħmel sagrifiċċji , tittrenja bis-serjetá fis-sħana u fix-xita, ikollok sapport tal-familja u tal-kollegi tax-xogħol u dejjem tagħti l-aħjar tiegħek. B’din ir-riċetta dejjem, tista’ tilħaq l-għanijiet tiegħek.

L-atletika jagħtik ukoll il-vantaġġ li tiltaqa’ ma’ ħafna ħbieb ġodda. Magħhom tiddiskuti u titgħallem u ġieli jitgħallmu xi ħaġa minnek ukoll. Anke jekk dan l-isport bħal kull sport ieħor joffri kategoriji ta’ parteċipant f’kull tellieqa dejjem ammirajt ir-rispett reċiproku li aħna l-atleti nuru lejn xulxin.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?

Ma rbaħt l-ebda suċċess maġġuri, imma rbaħt id-dixxiplina kbira fuqi nnifsi. Waqt li nhar ta’ Ħadd filgħodu kulħadd jorqod iżjed, jiena nqum jew biex nipparteċipa f’xi tiġrija jew biex nagħmel it-taħriġ neċessarju. Kull parteċipazzjoni f’tiġrija għalija hija rebħa. Ovvjament kull tiġrija jkun fiha storja għall- fatt li apparti distanza differenti ikollok fatturi differenti li jaffettwaw fosthom it-temp.

Illum għandi kollezzjoni sabiħa ħafna ta’ midalji , għamilt eluf ta’ kilometri f’taħriġ u tiġrijiet u dan għalija huwa s-suċċess. Għandi kollezzjoni kbira ta’ ritratti li huma wkoll għal qalbi ħafna.

Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta’ Malta. Agħtina iktar dettalji.

Il-Maratona ta’ Malta dejjem kienet f’moħħi. Godwin , Antoine, John u Charlo l-akbar ħbieb tiegħi fl-atletika u ħafna oħrajn kienu jafu li kelli xewqa li xtaqt naqta’ proprju li nagħmel il-full marathon. Kienet sempliċiment  mhux jekk hux ħa nipprova nagħmilha imma meta ħa jkun il-mument opportun. Proprja f’Diċembru tal-2024 ipparteċipajt fil-half marathon ta’ Pisa u vera kont kuntent bil-prestazzjoni tiegħi. Kif dħalt fil-finish iddeċidejt li fi Frar se nagħmilha.

Ovvjament 42km mhumiex ħobż għal kulħadd. Madwar miljun ruħ mill-popolazzjoni kollha tad-dinja jagħmlu din il-maratona kull sena. Tirrikjedi ħafna taħriġ u mentalment trid litteralment tgħallem lil moħħok li għandek il-kapaċitajiet kollha possibli biex tmiss il-linja finali.

Meta ġejt minn Pisa anke bis-sapport tal-membri tal-klabb Mellieha AC u ħbieb oħra, bdejt madwar tmien ġimgħat ta’ taħriġ intensiv. Ovvjament il-fatt li tkun ilek numru ta’ snin tiġri huwa fattur importanti ħafna. Komplejt innaqqas mill-piż, nippjana t-tiġrija b’ reqqa kbira, u flimkien ma’ atleta ieħor David konna kważi niddiskutu kuljum. Fit-taħriġ bdejt immur tajjeb, it-temp kien ħafna drabi favorevoli u bdejt nilħaq ċerti distanzi.

Jirrikjedi ħafna sagrifiċċju għax anke waqt il-btala mal-familja ridt insib il-ħin għat-taħriġ u mhux dejjem ikun faċli.

Il-ġurnata waslet u llum ninsab kuntent li rnexxieli nagħmel il-maratona f’ħin ta’ ħames sigħat.  Kont kuntent għax il-preparazzjoni li għamilt ma ħallitli l-ebda dubju tul it-tiġrija li mhux ħa jkolli l-mira li xtaqt.

Kien emozzjonanti wisq il-mument mal-familja fil-linja finali.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Naf diversi atleti li għandhom livell għoli ħafna u dejjem jispirawni bil-kummenti ta’ kuraġġ li jagħtuni. Dillon, Aaron, Charlton, Mark u issa Tommy kollha huma atleti ta’ livell għoli ħafna. Tommy ħa jkun atleta tajjeb ħafna u fil-futur għad nisimgħu bih żgur. Fil-fatt kellu riżultat pożittiv immens fil-Maratona ta’ Malta. Peró, anke f’diskussjoni li kelli miegħu, Tommy dejjem wera li jieħu l-atletika b’serjetá kbira ħafna.

Importanti li atleti ta’ ċertu livell jiġu nnotati minn etá żgħira fl-iskejjel., Dan huwa punt importanti ħafna għax jekk atleta minn etá żgħira jitrawwem minn kowċis professjonali f’ċertu taħriġ u dixxiplina jgawdi mhux biss l-atleta imma l-isport inġenerali.,

Il-klabbs tal-atletika bir-riżorsi kollha limitati tagħhom dejjem ikunu ta’ għajnuna u jiena nħeġġeġ kull atletika biex jingħaqad ma’ klabb. Klabb permezz ta’ chats u diskussjoni jagħtuk l-istimolu neċessarju u jżommok dejjem mimli b’ideat ġodda.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Jien nitħarreg u nikkompeti dejjem fit-toroq Maltin. Ovvjament bħalma jista’ jikkummenta kull atleta llum naħseb l-aktar żona sigura hija Ta’ Qali. Hemm ovvjament t-trakka tal-Marsa, u anke riċenti fetħet trakka oħra privata ta’ livell għoli mmens. Meta tiġri fit-triq jirrikjedi attenzjoni kbira ħafna għax faċilment nuqqas ta’ konċentrazzjoni jista’ jkun fatali. Aħna l-atleti nkunu nafu b’ħafna inċidenti żgħar li ma jiġux rappurtati fil-media għax ikunu minimi pero’ jkunu ta’ detriment għal min qed jagħmel il-ġirja kultant anke tikkawżalu xi injury.

Min jorganizza t-tiġrijiet għandu livell għoli ħafna, Darren, Joe u Matthew dejjem organizzaw kompetizzjonijiet sbieħ bl-inqas periklu possibli u nista’ ngħid li għandhom passjoni kbira għal dan l-isport. Ġieli jizzikaw lil xulxin mingħandu l-aqwa prodott għalina l-atleti u dan jiena nqisu ta’ vantaġġ għax permezz tal-kompetizzjoni aħna l-atleti nkunu ċerti li ħa joffrulna l-aqwa esperjenza possibli. Anke l-midalji u l-innovazzjonijiet offruti llum saru tal-ogħla livell.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Bħalissa huwa mument verament pożittiv għalija wara li rnexxieli nlesti b’suċċess il-Maratona ta’ Malta. Beħsiebni nkompli nipparteċipa f’ħafna tiġrijiet oħra speċjalment nofs maratoni li huma distanza għal qalbi ħafna. Wara li żort Ruma, Napoli, Lisbona u Pisa darbtejn u kkompetejt f’dawn il-pajjiżi fin-Nofs Maratona organizzata minnhom, għandi ħafna għanijiet li nżur pajjiżi oħrajn fosthom Spanja li hija rinomata għall-Maratona ta’ Barcelona u Seville.

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika?

L-atletika hija sport sabiħ ħafna fejn m’hemmx limitu sa fejn tista’ tasal fil-parteċipazzjoni tiegħek. Tista’ tagħmel nofs maratona f’siegħa u nofs jew f’sagħtejn jew f’kemm inti ikollok abilitá u saħħa biex tispiċċa. Dan il-fatt ta’ inċertezza ta’ kif ħa toħroġlok tiġrija fil-ġurnata huwa eċitanti ħafna għax kif għidna jiddependi minn ħafna fatturi.

L-atletika tirrikjedi dixxiplina. Trid tistrieħ kif suppost, tiekol kif suppost u tittrenja kif suppost. Peró, apparti li tgħinek mentalment anke fil-ġurnata tax-xogħol tiegħek tħallilek sodisfazzjon kbir.

L-atletika hija mediċina b’xejn għas-saħħa tiegħek li nixtieq ħafna aktar persuni jiskopru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport