Wednesday, September 10, 2025

‘L-atletika huwa investiment għalik u għal saħħtek … li tista tiġri diġá huwa rebħ’ – Matthew Psaila

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Minn dejjem kont attiv u nħobb l-isport peró l-imħabba tiegħi għall-atletika bdiet meta l-ħabib tiegħi Donald Caruana kien inkoraġġieni bis-sħiħ biex ningħaqad mal-Evolve Endurance Club. L-atletika tippermetti l-flessibiltá ta’ x’ħin tista’ tittrenja u din fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum hija importanti ħafna. L-atletika tgħallmek tkun reżiljenti u dixxiplinat u li l-affarijiet biex jiġru trid vera taħdem għalihom.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Bħala suċċessi maġġuri ma tantx għandi għax dan huwa biss it-tieni staġun tiegħi li bdejt nipprattika dan l-isport. Biss peró kuntent ħafna bil-ħinijiet li rnexxieli nakkwista f’din is-sena u nofs li ilni nittrenja taħt il-gwida tall-kowċ bravissimu Olandiż, Has Kesra. L-aqwa ħinijiet li rnexxieli nakkwista huma: tan- Nofs Maratona f’1hr20m59s, tal-għaxar kilometri f’38m05s u dak tal-ħames kilometri f’5k 17m39s. Bdejt ukoll ngħaqqad is-super half marathons li jsiru f’sitt ibliet madwar l-Ewropa:  Lisbona, Praga, Berlin, Cardiff, Copenhagen u Valencia.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atletika preżenti f’pajjiżna jidher li kulma jmur dejjem qed jogħla. Tħares ftit fl-aħħar snin riċenti, tinduna li anke ħafna rekords nazzjonali ġew miksura b’iżjed minn darba.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala infrasstruttura għal dan l-isport, inħoss li fadlilna ħafna x’nistgħu nirranġaw u anke fil-mentalitá. Ħafna mill-ġiri u t-taħriġ tagħna jsir fit-triq fejn l-infrasstrutura mhijiex pjanata għal dan u anke mhux dejjem niġu rispettati mis-sewwieqa.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Il-futur tiegħi fl-atletika hu li nkompli nsegwi l-gwida tal-kowċ tiegħi, Has Kesra, ħalli nipprova dejjem intejjeb il-ħinijiet tiegħi fid-distanzi kollha. Is-sena d-dieħla, se nkun qed nieħu sehem f’żewġt itlielaq barra minn xtutna – il-Full Marathon f’Sevilla fi Spanja u n-Nofs Maratona f’Berlin fil-Ġermanja.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ tiegħi hu li l-atletika jista’ jiprattikaha kulħadd, f’kull etá u tista’ ssir fi kwalunkwe ħin. Nirrakomanda bis-sħiħ li jkunu paċenzjużi għar-riżultati, għax dawn ovvjament jiġu mal-ħin u mhux mal-ewwel. Anke jekk dan l-isport ma jiġix prattikat biex tikkompeti, l-atletika huwa investiment għalik u għal saħħtek … li tista tiġri diġá huwa rebħ!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport