Wednesday, July 23, 2025

‘L-Atletika mhijiex biss ġiri imma hija vjaġġ ta’ paċenzja, perseveranza u passjoni’ – Christopher Mangion

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn l-atletika?

L-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet b’mod naturali u b’esperjenza personali b’ġirja ghal-gost. L-isports minn dejjem kien ġo fija – fil-fatt meta kont żgħir kont nilgħab il-futbol sakemm imbagħad kont waqaft minħabba impenji oħra. Wara xi żmien bdejt noħroġ nagħmel ftit jogging waħdi sakemm darba minnhom ltqajt ma’ ħabib tiegħi li ħeġġiġni nibda il-ġiri b’iktar impenn. U minn dakinhar ma ħaristx lura. L-imħabba tiegħi lejn l-atletika kompliet tikber!

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek bħala atleta?

Għalija kull tellieqa li nagħmel hija suċċess. Il-partecipazzjoni fis-SuperHalfs Marathons hija sfida li nagħmel għalija — mhux biss biex nikkompeti ma’ ħaddieħor, imma biex ntejjeb lili fuqi nnifsi. F’Malta l-iktar suċċessi li kelli huma: it-tielet post fl-Age Group fl-għaxar kilometri tal-Imdina Edition. Gejt darbtejn it-tielet post fl-Age Group fil-Caritas Run u l-ewwel post fil-ħames kilometri ta’ Aquathlon Race.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atletika hu wieħed tajjeb għalkemm dejjem ikun hemm lok ta’ fejn wiehed jista jtejjeb. Zdiedu ħafna rizorsi u nies li qegħdin jersqu lejn dan l-isport b’aktar impenn. Atleti lokali wrew ħiliet tekniċi, determinazzjoni u passjoni anke fuq livell internazzjonali. Apparti minn hekk, dejjem hemm talenti ġodda li qed jiksbu din l-esperjenza unika. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali taghkom?

F’Malta, hemm diversi riżorsi u faċilitajiet fejn l-atleti jistgħu jitħarrġu u jkabbru l-potenzjal tagħhom, kemm fuq livell rikreattiv kif ukoll kompetittiv. Nemmen li hawn varjetá ta’ klabbs sportivi li joffru sessjonijiet ta’ taħriġ b’kowċis kwalifikati li joffru opportunitajiet għal kull etá b’ħiliet differenti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Fil-futur naspira li nkompli ntejjeb aktar il-ħinijiet precedenti tieghi ghall-aħjar u fil-futur naspira li nagħmel il-full marathon, li hija sfida kemm mentali kif ukoll fiżika. Se nkompli nitħarreġ pass pass, dejjem bl-għajnuna tal-kowċ tiegħi Mario Pisani u l-tim kollu Team Pisani fejn inħoss li għandna rutina b’saħħitha li ssaħħaħ l-ambizzjonijiet tagħna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

L-Atletika mhijiex biss ġiri imma hija vjaġġ ta’ paċenzja, perseveranza u passjoni. Kull kilometru li tagħmel tibni forza li tmur lil hinn mill-korsa. M’hemmx bżonn tkun perfett biex tibda, importanti li tkun dixxiplinat u li dejjem temmen fik innifsek biex tasal fejn tixtieq. Bħal kull sport ieħor, l-atletika toffri komunità, struttura, saħħa mentali u fiżika, u sens qawwi ta’ sodisfazzjon!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport