Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Din il-passjoni nibtet minn episodju sinjifikanti fejn kelli għażla jew li nbiddel ir-rotta u ngħix aħjar jew inkompli fit-triq li kont qbadt fejn stajt nispiċċa ħażin, bil-problema kbira kienet piż żejjed. Għall-bidu bdejt nimxi, peró, wara ftit poġġejt sfida lili nnifsi sabiex nibda niġri u, pass wara pass komplejt inżid ir-ritmu.
Illum b’wiċċi minn quddiem nirreferi għal din il-passjoni bħala “my healthy addiction”, fejn apparti benefiċċji fiżiċi tippermettili wkoll nirrilassa mentalment. L-atletika tipprovdili sodisfazzjon billi dejjem navvanza u tippermettili nkun verżjoni aħjar tiegħi nnifsi.
Dan kollu peró ma stajtx niksbu mingħajr l-għajnuna u s-sapport tal-familja, li dejjem ikunu warajja f’dak kollu illi nagħmel. Ferm utli fil-progress kontinwu tiegħi huwa l-kowċ tal-atletika Darren Vandit permezz tat-taħriġ u gwida illi jipprovdi.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Is-suċċessi tiegħi inkejjilhom permezz tal-progress kontinwu illi nikseb, sew waqt it-taħriġ kif ukoll waqt tiġrijiet kompetittivi, fejn l-għan aħħari huwa illi nibqa’ nirreġistra progress u nkun dejjem verżjoni aħjar tiegħi nnifsi.
Din is-sena irnexxieli nikkompeti f’erba’ tigrijiet tan-nofs maratona fi żmien ta’ ħames xhur fejn kont viċin ħafna illi nerġa’ ntejjeb l-aħjar ħin tiegħi fuq din id-distanza. Tragward illi sa ftit snin ilu lanqas kont noħlom bih. Barra minn hekk ukoll niġri din id-distanza b’mod regolari (darba fil-ġimgħa) waqt it-taħriġ.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell dejjem qiegħed iżid u l-kwalitá titjieb. Hawn ħafna tiġrijiet u kompetizzjonijiet diversi fejn xi kultant, jiddispjaċini ninnota nuqqas ta’ ko-ordinament fid-dati ta’ dawn l-attivitajiet. Ġieli f’week-end kien hawn aktar minn attivitá waħda, u dan qiegħed jikkawża illi ċerti organizzaturi ferm kapaċi jispiċċaw ikollhom jieqfu. Hija ħasra għaliex meta jiġri hekk l-atleta jitlef.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Illum il-ġurnata hawn ħafna postijiet dedikati u mgħammra fuq livell ferm professjonali fejn wieħed jista’ jitħarreg, sew bħala trakka tal-ġiri kif ukoll bħala gyms. Dan huwa żvilupp tassew pożittiv imma l-popolaritá ta’ dan l-isport ġieli ssarraf f’attendenza ferm numeruża f’dawn il-posijiet fejn l-atleta jista’ ma jħossux komdu jitħarreġ kif jixtieq.
Rigward tiġrijiet, dawn isiru fit-toroq u hawn b’sodisfazzjon ninnota li r-rispett lejn il-kompetituri mis-sewwieqa tal-vetturi qiegħed ukoll jiżdied.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Kif irreferejt qabel l-iskop tiegħi huwa li nkompli miexi ‘l quddiem u ntejjeb il-prestazzjonijiet permezz ta’ ħinijiet aħjar, ħinijiet illi qatt ma kont nimmaġina li nista’ nikseb. Dan ikompli jagħtini motivazzjoni sabiex navvanza u ntejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Huwa sabiħ li s-suċċess jitkejjel permezz ta’ rebħ ta’ unuri, peró, l-akbar unur u sodisfazzjon personali huwa li taħdem u tistinka sabiex dejjem tkun verżjoni aħjar tiegħek innifsek. B’hekk tkunu qed tassiguraw progress kontinwu fi sport illi l-benefiċċji tiegħu huma fuq firxa ferm aktar wiesa’ u lil hinn mir-rebħ tal-unuri!