Tuesday, June 24, 2025

‘L-atletika titlob dixxiplina, sagrifiċċji u paċenzja … imma kull sforz iwassal għal sodisfazzjon kbir’ – Loren Mercieca

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Minn meta kont żgħira, kont inħobb ħafna l-isport. Kull sena l-iskola kienu jintgħażlu xi tfal biex jieħdu sehem fir-‘relay races’, u jiena kont inkun waħda minnhom.

Kelli l-fuq minn 40 sena meta bdejt nippratika l-atletika. L-iskop oriġinali kien biex nitlef ftit piz. Iżda minn hemm qbadt nieħu gost nigri. Meta nigri nħoss li moħħi jistrieħ. Huwa ftit ħin tal-ġurnata li niddedika lili nnifsi. Mal-mogħdija taż-żmien, bdejt niffoka aktar fuq it-taħriġ u l-kompetizzjonijiet. L-appoġġ ta’ familti u l-kowċis tiegħi għenuni nkabbar din il-passjoni.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa bħala atleta?

Jien nħoss li kull tellieqa għandha l-istorja tagħha. Il-fatt li tibda u tispicca tellieqa huwa success. Fil-bidu li bdejt niġri, bdejt nieħu sehem f’ġirjiet tal-5km. Malli beda jgħaddi ż-żmien u bdejt nitrennja ma’ tim u anke mal-kowċ, bdejt nieħu sehem f’diversi kompetizzjonijiet ta’ 10km, half marathons u anke full marathons.  Din is-sena, fost bosta tiġrijiet differenti, ħadt sehem f’tiġrija organizzat mill- Corsa u fid-distanza tal- 5km gejt it-tielet mara overall. Għall-ewwel darba din is-sena saret tigrija ta’ 10km b’risq l-Istrina u gejt l-ewwel mara fil-katergorija tal-over 45. Fejn jidħlu d-distanzi twal, waħda mit-tigrijiet favoriti tiegħi hija l-Malta Marathon International Challenge. Din hija tellieqa fuq tlitt ijiem u tkopri d-distanza tal-full marathon. Fl-aħħar edizzjoni, ikklassifikajt fl-ewwel post fil-katerorija tiegħi. L-aħjar ħinijiet tal-half marathon tiegħi ksibthom f’Pisa u l-aħjar ħin tal-full marathon ksibtu f’Manchester.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atletika f’Malta qed jitjieb b’mod kostanti. Għandna diversi atleti żgħażagħ b’talent kbir u kowċis impenjati. Jien tal-opinjoni li għandna żgħażagħ Maltin li għandhom livell għoli u li qed jiksbu suċċess kemm għalihom personali, kif ukoll għal pajjizna. Dawn iz-żgħażagħ jaraw kif jagħmlu biex ilaħqu kemm mall-atletika kif ukoll mal-istudji tagħhom. Importanti li nsemmu li għandna kowċis Maltin li huma mħarrgin u jafu kif għandhom imexxu l-atleti biex jiksbu s-suċċess. Ma nistgħux ma nsemmux li l-ġenituri jagħmlu sagrificcji biex jaraw lil uliedhom jiksbu s-success li jistħoqilhom.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Filwaqt li għandna faċilitajiet bażiċi biex nitħarrġu, għad hemm lok għal titjib.

Aħna pajjiż żgħir u riżorsi huma limitati, specajlment meta tikkumparhom ma’ dawk ta’ barra minn xtutna. Jekk nieħdu bħala eżempju kemm-il trakka tal-400m hawn hawn Malta, biżżejjed int biex tinduna l-limitazzjonijiet tagħna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Inħares lejn il-futur b’mod pożittiv. L-atletika huwa l-passatemp tiegħi … il-ħin fejn moħħi jistrieħ. Fil-‘bucket list’ tiegħi għad hemm distanzi li għadni nixtieq nesplora u postijiet barra minn Malta fejn nixtieq nikkompeti. Qed naħdem ħafna biex nilħaq il-miri tiegħi u nittama wkoll li xi darba nkun nista’ ngħin lill-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ atleti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl atletika.

L-uniku pass difficli huwa l-ewwel pass. La darba tibda ‘there’s no turning back’! Importanti li dejjem iżżomm f’moħħok għalfejn tiġri u ma tinsa qatt kemm l-isport jgħinek fiżikament u mentalment.

Il-kowċ tiegħi dejjem tgħidli ‘You have what it takes’ … għaldaqstant, importanti li temmen fik innifsek u tibqa’ determinata. L-atletika titlob dixxiplina, sagrifiċċji u paċenzja, imma kull sforz iwassal għal sodisfazzjon kbir. Kull pass ’il quddiem, kemm jekk żgħir jew kbir, iressaqek eqreb lejn il-ħolma tiegħek – taqta’ qalbek qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport