L-Awstraljan li qatel 51 Musulman f’żewġ moskej fi New Zealand is-sena li għaddiet se jkun qiegħed jaffaċċja lil dawk li rnexxielhom isalvaw mill-attakk tiegħu.
Brenton Tarrant aktarx se jeħel il-ħabs għal għomru b’rabta ma’ dan il-każ. Huwa wieġeb ħati f’Marzu u kien instab ħati ta’ 51 omiċidju, 44 attentat ta’ qtil u akkuża waħda ta’ terroriżmu.
Tarrant mistenni jidher il-Qorti għada t-Tnejn għal smigħ li se jieħu erbat ijiem li fih se jitkellmu dawk li baqgħu ħajjin u l-familjari tal-vittmi. Is-smigħ se jsir fil-Qorti ta’ Christchurch, il-belt fejn Tarrant wettaq l-imsemmija attakki f’Marzu tal-2019.
Għall-ewwel huwa kien ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u kien mistenni jgħaddi ġuri f’Ġunju li għadda iżda mbagħad għażel li jammetti.
Huwa qiegħed jaffaċċja sentenza ta’ ħabs li l-minimu tagħha hija ta’ 17-il sena, iżda l-Imħallef Cameron Mander, li qed jisma’ l-każ, għandu s-setgħa li jikkundannah il-ħabs għal għomru mingħajr parole – sentenza li qatt qabel ma kienet mogħtija fi New Zealand.
B’kollox mistennija jixhdu aktar minn 60 persuna, b’uħud minnhom ivvjaġġaw minn barra l-pajjiż u għamlu ġimagħtejn kwarantina biex ikunu jistgħu jagħtu x-xhieda tagħhom.