Għaddejja tfittxija intensiva f’Minnesota wara li żewġ leġiżlaturi tal-istat sfaw fil-mira ta’ attakk, b’wieħed minnhom jinqatel is-Sibt filgħodu f’dak li l-Gvernatur Tim Walz qed isejjaħlu bħala “att ta’ vjolenza politika mmirata”.
Id-Demokratika Melissa Hortman ta’ 55 sena u żewġha nqatlu fi Brooklyn Park mentri John Hoffman ta’ 60 sena – li huwa wkoll Demokratiku, flimkien ma’ martu ntlaqtu minn tiri fir-residenza tagħhom. Hoffman kellu jsirlu intervent mediku u issa jinsab f’kundizzjoni stabli.
Bħalissa għaddejja tfittxija għas-suspettat li l-pulizija qalet li kien qed jagħmilha ta’ “uffiċjal”. Huwa ġie identifikat bħala Vance Luther Boelter ta’ 57 sena, filwaqt li hemm premju ta’ $50,000 għal kwalunkwe informazzjoni li tista’ twassal għall-arrest tiegħu.
Il-Pulizija qalet li r-raġel daħal fid-djar tal-vittmi wara li allegatament qarraq bihom billi uża “badge” u uniformi falza u saħansitra kien qed isuq karozza li dehret tixbaħ lil vettura tal-pulizija mgħammra bi dwal ta’ emerġenza.
L-ewwel sejħa għall-għajnuna saret għall-ħabta tas-2.00 a.m. (ħin lokali) rigward l-inċident li kien jinvolvi lis-senatur tal-Istat Hoffman u martu. Madwar siegħa u nofs wara, saret telefonata oħra lill-pulizija minħabba l-inċident li kien jinvolvi lill-eks Speaker tal-Kamra tad-Deputati Hortman.
Il-pulizija marru minnufih fuq il-post fejn ġew sparati tiri fid-dar ta’ Hortman, b’danakollu s-suspettat irnexxielu jaħrab.
Il-Kap tal-Pulizija ta’ Brooklyn Park, Mark Bruley qal li l-pulizija għaddejja bi tfittxija intensiva flimkien mal-FBI, SWAT u mijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija. Huwa qal li l-pulizija sabu l-karozza li kien qed jagħmel użu minnha s-suspettat u li temmen li huwa kien qiegħed jivvjaġġa bil-mixi.
L-awtoritajiet qed iwissu lin-nies fiż-żona biex ma jiftħux il-bieb tad-dar tagħhom għal uffiċjal tal-pulizija waħdu sakemm ma jkunx hemm żewġ uffiċjali flimkien.