Bħalissa l-ismijiet tal-Ukrajna u r-Russja jinsabu fuq fomm kulħadd, hekk kif ir-Russja ddikjarat gwerra kontra l-Ukrajna, b’numru ta’ attakki f’postijiet prominenti fl-Ukrajna. Sa dalgħodu stess, ġie rrappurtat attakk ieħor fl-Ukrajna, din id-darba każ ta’ nirien fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia. L-Ukrajna u diversi mexxejja minn madwar id-dinja, fosthom il-President Ukren Zelensky, żammew lit-truppi Russi responsabbli għal dan l-inċident li poġġa l-ħajjiet ta’ kontinent sħiħ f’riskju ta’ saħħa.
Kemm il-President Amerikan Joe Biden, kif ukoll il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau, esprimew l-istess fehma li r-Russja għandha twaqqaf l-attakki militari b’mod immedjat. Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, qies dan l-attakk bħala wieħed irresponsabbli u li seta’ wassal biex ipoġġi l-ħajja tal-Ewropa kollha f’riskju. Il-President Ukren saħansitra esprima l-idea li r-Russja xtaqet tirrepeti l-akbar diżastru nukleari li qatt rat id-dinja, dak ta’ Chernobyl li seħħ fl-1986. Min-naħa l-oħra, il-Ministeru għad-Difiża Russa pprova jiddefendi l-azzjonijiet tar-Russja billi tefa’ l-ħtija kollha ta’ dan l-attakk fuq is-sabotaġġi Ukreni.
Minkejja li skont in-Nazzjonijiet Magħquda u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika ddikkjaraw illi dan ma kellux impatt fuq il-makkinarji essenzjali tal-impjant u ma kienx hemm żieda fil-livelli ta’ radjazzjoni, Boris Johnson iddikjara li se jkun qed isejjaħ laqgħa b’urġenza mal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-Sigurtà. F’intervista mal-BBC, Kirill Dovzhik resident f’dan l-istess villaġġ fl-Ukrajna u li kien preżenti waqt dan l-attakk militari Russu, iddefinixxa din l-azzjoni bħala “terroriżmu” u kompla billi stqarr li “Dan huwa inkwetanti mhux biss għar-reġjun tagħna biss, iżda daqstant ieħor għall-Ukrajna u għall-kumplament tad-dinja.”
Fil-fehma ta’ Dr Graham Allison, il-kawża għal dan l-attakk kienet li probabbilment il-qawwiet Russi kienu jinsabu f’tentattiv biex jimblukkaw il-provvista tal-elettriku f’dawk l-akkwati tal-impjant, iktar milli attakk fuq l-impjant innifsu. Infatti, huwa stabbilit li dan l-impjant jiġġenera kważi kwart tal-provvista tal-elettriku tal-Ukrajna. Bħal kull kwalunkwe aċċident, dan l-attakk f’Zaporizhzhia kellu bosta effetti, fosthom: ikkawża twaqqigħ fil-prezzijiet tal-ishma fl-Asja, residenti f’Mariupol fin-naħa t’isfel tal-Ukrajna spiċċaw mingħajr provvista tal-ilma u tal-elettriku, Chernihiv u Kharkiv reġgħu qed isofru minn attakki tan-nar, u l-belt ta’ Sumy sfat iċċirkondata mit-truppi Russi.
Fit-tieni laqgħa bejn ir-Russja u l-Ukrajna li saru bil-għan li jinħoloq ftehim ta’ paċi, intlaħaq qbil sabiex jiġu evakwati r-residenti minn dawk iż-żoni li jinsabu f’kunflitt.