Proprju ftit jiem ilu ġie pubblikat id-dokument imsejjaħ L-Strateġija għas-Sigurtà Nazzjonali (NSS) tat-tieni amministrazzjoni ta’ Donald Trump. Dokument li kuntrarjament għal kif kien isir fil-passat, ma ġiex pubblikat b’ħafna pompa. M’hemm ebda dubju li dan id-dokument hu wieħed populist għal aħħar. Miktub b’mod propogandistiku għal aħħar, u jirkeb fuq narrattivi ta’ biża’, xenofobija u razziżmu.
Dokument li jirkeb fuq in-narrattiva populista u jiddikjara li l-immigrazzjoni qed teqred iċ-ċivilizzazzjoni Ewropea.
Wara il-President Amerikan Donald Trump jagħti intervista u jiddikjara b’mod ċar ħafna l-ħsibijiet tiegħu. Jgħid li “l-Ewropa qiegħda titkisser. Il-politika ta’ immigrazzjoni tagħhom hi diżastru. Dak li qegħdin jagħmlu fuq l-immigtrazzjoni hu diżastru. Fl-Ewropa qegħdiin jidħlu nies minn kull parti tad-dinja. Qegħdin jidħlu mill-Kongo. Agħar, li qegħdin jidħlu wara li jkunu f’ħabsijiet fil-Kongo. Iridu jkunu politikament korretti u ma jridux jibagħtuhom lura. Jekk tħares lejn Pariġi u jien togħġoboni ħafna Pariġi ħafna imma llum hi differenti. Ħares lejn Londra, għandhom sindku orribli. Jien togħgobni Londra, imma hi differenti. Inħossni dispjaċut li dan qed jiġri. Il-Prim Ministru Ungeriż Orban, qed jagħmel biċċa xogħol tajba fl-immigrazzjoni. Anki l-Polonja għamlet biċċa xogħol tajba li qiegħda żżomm l-immigranti milli jidħlu. L-Ewropej qegħdin ikunu politikament korretti u din qed iddgħajjifhom”.
Dan id-dokument li għandu ton razzist għall-aħħar, hu attakk dirett fuq il-ħajjiet, id-dinjità u d-drittijiet ta’ għadd kbir ta’ immigranti li jgħixu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluż f’pajjiżna. Huwa wkoll, u ejjew inkunu ċari dwar dan, theddida għad-demokrazija nnifisha għax Trump qed jappoġġja espliċitament partiti neo-faxxisti tal-lemin estrem.
Ir-retorika ta’ Donald Trump hi bbażata fuq is-suppożizzjoni li n-nies li mhumiex bojod, u mhux Insara skont id-definizzjoni tiegħu, huma umani inferjuri. Dan mhu xejn għajr razziżmu. Din it-tip ta’ argumentazzjoni u dan il-lingwaġġ m’għandu jkollu l-ebda post f’xi diskussjoni serja dwar kif is-soċjetajiet jimmaniġġjaw il-migrazzjoni.
U ovvjament din ir-retorika ma’ tqajmitx b’kumbinazzjoni. L-istess kif mhix b’kumbinazzjoni li l-istess Trump qed jgħolli ‘lfuq mexxejja bħal Orban. Il-politika tiegħu ta’ biża’ mill-barranin – ix-xenofobija, esportaha lejn l-Ewropa. Nemmnu li dan qiegħed isir bi skop ċar ħafna. Biex jinkoraġixxi movimenti tal-lemin estrem. Movimenti li diġa rajnihom jerfgħu rashom f’għadd ta’ pajjiżi fosthom fl-Irlanda, l-Ingilterra, l-Iżvezja, l-Italja u l-Ġermanja.
Id-dokument meta taqrah ma tistax ma tinnutax in-narrattiva tas-supremazija tal-bojod. Li wieħed isostni li ċ-ċivilizzazzjoni Kristjana trid tiġi difiża kontra l-immigranti hija sempliċement skuża biex tiġi imposta s-supremazija bajda b’kisja reliġjuża. Dikjarazzjoni bħal din issir biss b’għan wieħed, Biex tifred. Biex tinħoloq il-mibegħda.
Nemmnu li dan id-dokument jagħmel biss ħaġa waħda. Dik li jinnormalizza l-inumanità. Lingwaġġ li minnu nfih se jwassal biex jiżdiedu l-perċezzjonijiet. Jiżdiedu l-isterjotipi. Tiżdied id-diskriminazzjoni u l-mibegħda. Għax wara lingwaġġ bħal dan hu faċli li jkun hemm min iħoss li hu leġittimu li jieħu l-liġi f’idejh. Din rajniha ssir barra pajjiżna.
Dak espress fid-dokument imxandar, hu narrattiva li tnaqqar is-solidarjetà. Dik is-solidarjetà li nistgħu ngħidu li hi l-pedament ta’ kwalunkwe demokrazija. Illum l-attakk hu l-immigrazzjoni, għada faċilment ikun fuq sezzjoni oħra ta’ nies.
Id-domanda li rridu nagħmlu u li rridu nirriflettu fuqha wara l-pubblikazzjoni ta’ dań id-dokument, hi x’inhi l-kriżi vera li llum qegħdin niffaċċjaw. Vera hi l-immigrazzjoni? Jew l-immigrazzjoni tintuża biex tbeżża’ u taljenana minn kriżi ferm akbar.
Nemmnu b’mod ferm li l-kriżi li verament qegħdin niffaċċjaw fid-dinja u fl-Ewropa hi l-inugwaljanza u r-razziżmu. Il-mod kif korporazzjonijiet kbar qegħdin ikomplu jkabbru l-profitti tagħhom għas-skapitu tal-familji. Il-mod kif dawn l-istess korporazzjonijiet jibqgħu jiġu protetti minn dawk fil-poter.
Mhux minnu li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżi Ewropej sejra lura minħabba l-immigrazzjoni. Nemmnu li hi narrattiva għal kollox żbaljata li wieħed iwaħħal fl-immigrazzjoni għall-fallimenti tal-politika ekonomika. L-awsterità, il-privatizzazzjoni u l-politika finanzjarjai huma l-veru fatturi li kkontribwew għall-ħolqien ta’ insigurtà.
Nemmnu li quddiem dak pubblikat il-pajjiżi Ewropej ma jistgħux jibqgħu b’ħalqhom magħluq. Ma jistgħux jibqgħu siktin.
L-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-valuri umani. Il-pedament tagħha hu s-solidarjetà. L-Unjoni Ewropea, quddiem dak pubblikat trid tara li tiddefendu l-valur li kull bniedem hu ugwali. Din kienet il-politika li ħaddnet sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha. Ma tistax illum tħalli r-razziżmu jiddefinixxi l-politika tagħha.
L-Unjoni Ewropea għandna tara li s-soċjetà tkun mibnija b’tali mod li min qiegħed hawn, irrispettivament minn fejn twieled, min hu, x’jemmen, u x’kulur ta’ ġilda għandu, jista’ jappartjeni, jikkontribwixxi u jirnexxi. Aħna kollha indaqs. Kollha umani.

