Saturday, December 21, 2024

“L-attakki fuq il-persuna huma sinjal ta’ injoranza kbira”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, flimkien ma’ oħrajn jikkundanna l-attakki fuq Angela Coleiro

Miktub minn CARMEN CACHIA

Angela Coleiro, il-kandidata ġdida tal-Partit Nazzjonalista, għamlet l-ewwel diskors politiku tagħha l-Ħadd li għadda fiż-Żurrieq u ngħata bidu għal attakki dispreġjattivi fil-konfront tagħha fuq il-midja soċjali minħabba l-orjentazzjonali sesswali tagħha. Dawn il-kummenti u diskors omofobiku kienu kkundannati minn għadd ta’ għaqdiet, organizzazzjonijiet u persuni, fosthom mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja li saħaq li attakki fuq il-persuna huma sinjal ta’ injoranza kbira u tal-mistħija.

Bugeja kkundanna bl-aktar mod qawwi kull diskors u kliem dispreġattiv li jsir minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew il-ġeneru u l-istess għamlet is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar. Cutajar talbet biex jieqfu l-messaġġi ta’ tgħajjir fil-konfront tal-preżentatriċi tan-Net TV, Angela Coleiro fejn saħqet li tikkundanna bil-kbir kull tip ta’ kliem sessist, omofobiku u tgħajjir ieħor fejn żiedet li m’humiex jieħdu gost b’dak li qegħdin jagħmlu. 

Cutajar qalet li dan it-tip ta’ kliem ma jagħmilx ġid lill-Partit Laburista fejn bħala Gvern għamel mill-aħjar li seta’ biex Malta tkun fl-ewwel post fejn jidħlu d-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+.

Il-Partit Laburista wkoll għamilha ċara li jikkundanna bla riservi messaġġi ta’ omofobija li ħarġu minn individwi fuq il-midja soċjali l-Ħadd li għadda fejn kiteb li, “kien il-Partit li ħadem ħafna biex, kontra kull kurrent ieħor, idaħħal drittijiet ġodda għal kulħadd u llum pajjiżna huwa fl-ewwel post tal-indiċi LGBTIQ+ fost il-pajjiżi kollha Ewropej”.

Il-PL filwaqt li awgura għall-futur lil Coleiro, insista li d-dibattitu għandu dejjem isir fuq temi politiċi u mhux fuq livell personali jew fuq l-orjentazzjoni sesswali. 

Il-MEP Laburista, Cyrus Engerer, ukoll esprima l-ħsibijiet tiegħu fejn qasam fuq il-midja soċjali l-fatt li sa minn żgħożitu beda jaħdem għal drittijiet ugwali għal kulħadd. “Dak hu li nemmen fih jien u dak hu li dejjem ħdimt għalih u hekk se nibqa’ nagħmel fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew. Din il-ġimgħa se nkunu qegħdin niddiskutu s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Naraw li nkomplu naħdmu biex inkomplu nissaħħu kemm bħala pajjiż, kif ukoll bħala Unjoni Ewropea,” qal Engerer.

“Rabbejt qoxra żmien ilu…”

Angela Coleiro min-naħa tagħha qalet li ddeċidiet li tkun pożittiva. “Inħares biss ‘il quddiem u naħdem kemm niflaħ. Rabbejt il-qoxra żmien ilu u l-ebda transfobija, tgħajjir jew intimidazzjoni m’hija se twaqqafni,” kompliet Coleiro.

Filwaqt li wegħdet li l-ħidma tagħha se tkompli, din il-kandidata Nazzjonalista dawwret l-attakki fuqha bħala pubbliċità li qegħdin jagħmlulha u rringrazzjat lil dawk kollha li tellgħu kummenti.

Dawn l-attakki ħarġu proprju fil-ġimgħa li l-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, ħabbret l-istrateġija Ewropea 2020 – 2025 għall-Ugwaljanza tal-Ġeneru, inkljużi d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+. 

Din l-istrateġija hija l-ewwel ta’ din ix-xorta u Dalli, filwaqt li ħadmet u se tibqa’ taħdem bla heda għad-drittijiet tan-nisa, irġiel u tfal, għandha ħafna għal qalbha l-komunità LGBTIQ+.

Ekonomija

Sport