Thursday, August 14, 2025

L-attakki mill-ajru ta’ Iżrael fuq ħabs fl-Iran meqjusa delitt tal-gwerra 

Aqra wkoll

L-attakki mill-ajru ta’ Iżrael fuq il-ħabs ta’ Evin f’Tehran f’Ġunju li għadda, li ħallew għadd kbir ta’ priġunieri, viżitaturi kif ukoll ħaddiema mejta, qed ikunu meqjusa bħala “delitti gwerra” mill-grupp għad-drittijiet tal-bniedem – Human Rights Watch (HRW).

L-investigazzjoni tal-HRW kienet ibbażata fuq filmati meħuda bis-satellita, filmati u rapporti ta’ xhieda, u sabet li l-attakki mill-ajru Iżraeljani tat-23 ta’ Ġunju qerdu swali tal-viżitaturi, ċelel tal-ħabs, il-kċina ċentrali, klinika medika u uffiċċji oħra amministrattivi. Ma ġew identifikati l-ebda miri militari evidenti fil-faċilità, li dak iż-żmien kellha aktar minn 1,500 priġunier, li ħafna minnhom kienu ntbagħtu l-ħabs għal attiviżmu paċifiku.

“L-attakki ta’ Iżrael fuq il-ħabs ta’ Evin qatlu u ferew għexieren ta’ ċivili bi ksur tal-liġijiet tal-gwerra u għalhekk huwa delitt tal-gwerra apparenti,” qal Michael Page, id-Deputat Direttur tal-Lvant Nofsani fl HRW. 

L-attakk Iżraeljan kien poġġa f’riskju serju l-ħajjiet diġà prekarji tal-priġunieri tal-ħabs ta’ Evin, li ħafna minnhom kienu attivisti politiċi miżmuma inġustament. Mill-inqas 80 persuna kienu nqatlu fl-attakk li seħħ fuq il-ħabs waqt il-ħinijiet taż-żjarat meta ż-żoni pubbliċi kienu l-aktar traffikużi.

HRW iddeskriva l-attakk bħala “illegali u indiskriminat”. Min-naħa l-oħra, uffiċjali Iżraeljani sejħu lil Evin bħala “simbolu ta’ oppressjoni” iżda ma pprovdew l-ebda evidenza ta’ użu militari.

L-attakk fil-ħabs seħħ waqt kunflitt ta’ 12-il jum bejn Iżrael u l-Iran fejn mijiet ta’ ċivili nqatlu fuq iż-żewġ naħat. Il-grupp tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fl-Istati Uniti, Human Rights Activists in Iran (HRAI), qal li l-attakki Iżraeljani fuq l-Iran irriżultaw f’mill-inqas 5,665 vittma, inklużi 1,190 maqtula u 4,475 midruba, kemm militari kif ukoll nies ċivili. Il-forzi tas-sigurtà Iranjani arrestaw ukoll 1,596 individwu matul il-gwerra ta’ 12-il jum, żied jgħid il-grupp.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport