Monday, December 23, 2024

L-attakki terroristiċi ta’ Christchurch: L-aggressur kien qed jippjana attakk terroristiku ieħor

Aqra wkoll

Ir-raġel li fl-2019 qatel 51 persuna f’attakki fuq żewġ moskeji kien ippjana attakk ieħor. Dan intqal fil-Qorti hekk kif għaddejjin il-proċeduri fil-konfront ta’ Brenton Tarrant b’rabta ma’ dawn l-attakki.

Il-Qorti semgħet kif Tarrant kien ippjana li jaħraq il-moskeji u li ried joqtol persuni kemm jista’ jkun.

Ir-raġel Awstraljan wieġeb ħati għall-51 kap ta’ akkuża li nġiebu fil-konfront tiegħu, 40 attentat ta’ qtil, u terroriżmu.

Tarrant, ta’ 29 sena, qed jiffaċċja għomor il-ħabs, possibbilment mingħajr parole – sentenza li qatt ma ngħatat fi New Zealand.

Intant fis-seduta li żvolġiet illum huwa kien ikkonfrontat minn persuni li ħelsuha mill-attakki terroristiċi u qraba tal-vittmi.

L-attakki, li partijiet minnhom ixxandru b’mod dirett, kienu juru lir-raġel jiftaħ in-nar fuq diversi persuni li kienu preżenti fil-moskea ta’ Christchurch għat-talb tal-Ġimgħa. Huwa mbagħad saq madwar ħames kilometri għall-moskea ta’ Linwood fejn kompla joqtol aktar nies.

L-attakki ħolqu għagħa fil-komunità internazzjonali u wasslu lill-awtoritajiet ta’ New Zealand biex jagħmlu bidliet fil-liġijiet fuq l-armi tan-nar.

Ekonomija

Sport