L-attakki u l-gideb mhux posthom fis-soċjetà tagħna, iktar u iktar fl-arena politika fejn Partit Nazzjonalista qed jużahom biex jipprova jiskorja punti politiċi. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, mill-Ministru Jonathan Attard u l-Whip tal-Gvern Naomi Cachia. Sostnew li l-Partit Nazzjonalista qed jaddotta politika ntiża biss biex tħammeġ u tassassinja l-karattri ta’ persuni, biex imbagħad dak kollu li jkun allegat mill-istess Partit Nazzjonalista jirriżulta li ma kienx minnu.
Il-kelliema fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista nnutaw li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tirkeb fuq il-fake news bl-iskop li mingħaliha tiggwadanja xi punti politiċi. Dan mhux biss qed jgħidu l-Partit Laburista iżda wkoll l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u anke Ewropej.
Il-Ministru Attard elenka lista ta’ każijiet ta’ fake news mill-Partit Nazzjonalista. Dawn jinkludu:
1. il-gidba sfaċċata fil-konfront tad-Deputat Laburista Carmelo Abela li ħalliet riperkussjonijiet personali, professjonali u politiċi
2. l-attakk sfrenat fuq il-ħaddiema tas-saħħa wara li l-PN ibbaża narrattiva fuq fake profile dwar il-każ ta’ mewta traġika
3. il-gidba tal-Membru Ewroparlamentari Nazzjonalista Peter Agius dwar l-użu tal-fondi Ewropej u r-rapport mill-OLAF wera l-allegazzjonijiet foloz ta’ Agius
4. ir-rapport falz fil-midja Nazzjonalista dwar allegat tkeċċija ta’ kumpanija minn sit f’Għawdex
5. il-gidba dwar is-salarju tal-Kummissarju tal-Pulizija
6. il-qerq sfaċċat fil-konfront tal-Ministru Attard stess meta kwotawh ħażin waqt li kien qed jindirizza konferenza dwar il-midja.
Il-Ministru Attard qal li dawn l-eżempji juru xejra konsistenti ta’ politika mill-Partit Nazzjonalista bbażata fuq fake news, li f’ċerti każijiet lanqas biss għadu għamel apoloġija lill-vittmi ta’ dawn il-każijiet. Sostna li l-Partit Laburista filwaqt li jappoġġja l-libertà tal-espressjoni, mhux se jaċċetta dan l-aġir tal-Partit Nazzjonalista.
Naomi Cachia qalet li għandha tinġarr responsabilità politika mill-Partit Nazzjonalista li qed juża l-fake news biex mingħalih jiggwadanja politikament. Sostniet li dan l-aġir m’għandux post fis-soċjetà li ngħixu fiha llum. Staqsiet kif iż-żgħażagħ, nisa u rġiel se jikkommettu ruħhom biex joffru s-servizz tagħhom lill-pajjiż u jidħlu fil-politika, meta hawn dan l-abbuż sfaċċat intiż biex ikisser il-ħajjiet u r-reputazzjonijiet tan-nies.
Il-Whip Laburista temmet tgħid li l-poplu jistenna politika iktar serja u matura u mhux politika tal-attakki u fake news.