L-attività nazzjonali b’risq il-Malta Community Chest Fund, “Il-Mixja tal-President”, din is-sena se ssir il-Ħadd, 30 ta’ Novembru.
It-tluq se jkun minn żewġ postijiet, mill-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard u mill-Pjazza ta’ Raħal Ġdid fid-9:15am. Minn hemm imbagħad il-parteċipanti jiltaqgħu Blata l-Bajda sabiex flimkien jimxu lejn il-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop u li kienet indirizzata mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, akkumpanjata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Justin Schembri, is-Sur Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ Sports Malta, is-Sur Kevin Chircop, Chairman Eżekuttiv tal-isponsor ewlieni Enemed u s-Sur Melvin Bugeja, mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta bdiet billi rringrazzjat lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività, li tiġbor l-appoġġ ta’ kulħadd. Fil-preżenza ta’ numru ta’ tfal tal-iskola, li kienu preżenti fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, hija saħqet fuq l-importanza li l-ġenerazzjonijiet żgħar ikunu attivi fiżikament għal saħħithom u inkoraġġiethom biex permezz tal-isport, li dehru tant hu għal qalbhom, jgħinu wkoll lil dawk fil-bżonn.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Clifton Grima ddeskriva din l-attività bħala ċelebrazzjoni ta’ kollaborazzjoni, volontarjat, għaqda, solidarjetà u ġenerożità, li huma l-akbar valuri tal-poplu Malti.
Justin Schembri tenna li attivitajiet bħal dawn iwasslu messaġġ pożittiv favur dawk li jeħtiġilhom l-għajnuna.
Din is-sena wkoll l-attività se tara l-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ baned li minn ħdejn il-Parlament se jakkumpanjaw lil dawk preżenti lejn Pjazza San Ġorġ. Fil-fatt is-Sur Melvin Bugeja nnota kif f’attività bħal din qed jingħaqdu ma’ xulxin u joħroġ l-ispirtu ta’ solidarjetà tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.
Is-Sur Kevin Chircop tkellem dwar l-importanza li kumpaniji privati jingħaqdu ma’ xulxin għal għan wieħed favur il-vulnerabbli. Huwa qal illi l-Presidenza mhux mixja waħda tagħmel iżda timxi ma’ kull min ikollu bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.
Filwaqt li spjega l-loġistika tal-attività, is-Sur Mark Cutajar, appella lin-nies li se jipparteċipaw sabiex permezz ta’ donazzjoni €10 b’risq il-Malta Community Chest Fund jiġbru l-flokk tal-okkażjoni minn wieħed mill-Uffiċini tal-Malta Community Chest Fund, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, tal-Belt Valletta jew ta’ Għawdex, mingħand il-Eurosport jew f’waħda mill-faċilitajiet ta’ Sport Malta. Is-Sur Cutajar innota illi din is-sena l-“Mixja tal-President” qiegħda tgħaqqad flimkien l-isport u l-kultura.