Saturday, December 21, 2024

L-attivita ekonomika f’Malta baqgħet b’saħħitha iżda battiet xi ftit

Aqra wkoll

Matul l-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra, l‑attività ekonomika f’pajjiżna baqgħet b’saħħitha għalkemm battiet xi ftit fir‑ritmu tagħha meta mqabbla mal-istess tliet xhur ta’ sena qabel. Fil-fatt, it‑tkabbir annwali fil-prodott domestiku gross (PDG) reali batta b’0.6%.

Skont l-analiżi ta’ kull tliet xhur tal-Bank Ċentrali għas-sena 2023, il-moderazzjoni fit-tkabbir kienet fil-biċċa l-kbira sostnuta minn kontribut negattiv mill-esportazzjoni netta, li għelbet żieda fil-kontribut tad-domanda domestika.

Meta ġiet aġġustata għall-importazzjoni, id-domanda domestika baqgħet l-istimolu ewlieni tat-tkabbir, għalkemm il-kummerċ barrani kellu wkoll kontribut pożittiv.

It-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kien stmat fil-livell ta’ 6.3% fir-raba’ kwart tal-2022, żieda mir-rata stmata fil-kwart ta’ qabel. L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet pożittiva, iżda naqset. Dan jindika li l-livell ta’ użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija batta xi ftit.

L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea niżel taħt il‑medja storika tiegħu, u taħt il‑livell irreġistrat fit‑tielet kwart tas‑sena. Minħabba f’hekk, l-Indikatur kien f’livell inqas minn dak fiż-żona tal-euro.

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Il-livelli u r-rati ta’ impjieg żdiedu f’termini annwali. Sadattant, fil-livell ta’ 2.9%, ir-rata tal‑qgħad baqgħet l-istess bħal dik irreġistrata fil-kwart ta’ qabel, u taħt ir-rata ta’ 3.0% rreġistrata sena qabel. Ir-rata tal-qgħad baqgħet ukoll taħt ir-rata medja ta’ 6.7% għaż-żona tal-euro.

Iż-żieda fil‑prezzijiet għall‑konsumatur battiet xi ftit għalkemm l‑inflazzjoni baqgħet storikament għolja. L-inflazzjoni annwali, kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, kienet fil-livell ta’ 7.3% f’Diċembru, marġinalment taħt ir-rata ta’ 7.4% rreġistrata f’Settembru. Inflazzjoni aktar baxxa fis-servizzi kienet il-fattur ewlieni għat-tnaqqis marġinali fl-inflazzjoni minn Settembru.

Dan għeleb żieda fl-inflazzjoni tal-prodotti tal-ikel u dawk industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti Maltin, niżlet bi ftit minn 7.5% f’Settembru għal 7.4% f’Diċembru.

Meta mkejjel fuq bażi ta’ moving sum fuq erba’ trimestri, il-bilanċ ġenerali tal-gvern rreġistra defiċit ta’ 5.8% tal-PDG, żieda mir-rata ta’ 5.7% rreġistrata fit-tielet kwart tal-2022. Sadattant, id-dejn tal-gvern laħaq il-livell ta’ 53.4% fl-aħħar ta’ Diċembru 2022, żieda mil-livell ta’ 52.9% rreġistrat f’Settembru li għadda. Is-sehem nett tal-valur finanzjarju tal-gvern fil-PDG tjieb ukoll fil-kwart kopert.

Minbarra l-analiżi ekonomika regolari, ir-Rivista tal-Bank Ċentrali ta’ Malta tippreżenta wkoll ir-riżultati ta’ studju li jevalwa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-finanzi tal-familji, ibbażat fuq l-aħħar Stħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Familji. Studju ieħor janalizza jekk l-impatt ekonomiku taż-żieda fl-età tal-pensjoni f’Malta għandux bżonn jiġi eżaminat mill-ġdid fid-dawl tal-pandemija.

Ir-Rivista tinkludi wkoll studju dwar ir-reazzjoni tal-ekonomija Maltija għall-iżviluppi fis-swieq globali tal-enerġija u fl-industrija marittima. Fl-aħħar nett, ir-Rivista tippreżenta artiklu dwar l-evoluzzjoni tal-irwol tan-nisa fis-suq tax-xogħol f’Malta.

Ekonomija

Sport