Monday, April 7, 2025

L-attiviżmu fost iż-żgħażagħ qed jerġa’ jqum fuq saqajh

-  Cherise Sultana, President ġdid tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ)

Aqra wkoll

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ).

L-irwol ewlieni tiegħi huwa li naħdem mat-tim kollu tal-kunsill sabiex insaħħu l-vuċijiet u nwasslu l-opinjonijiet taż-żgħażagħ għand il-leġislaturi. Bl-għajnuna tal-amministrazzjoni flimkien mat-tim kollu, inkunu nistgħu naraw x’hemm bżonn fejn jidħol is-settur taż-żgħażagħ f’pajjiżna.

L-għan tiegħi f’dawn is-sentejn huwa li niġbru aktar żgħażagħ fl-attiviżmu u li l-Kunsill ikun aktar stmat bħala l-vuċi kollettiva taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin bejn it-13 u l-35 sena. L-attiviżmu ma jappartjenix biss għal politika; persuna tkun ppassjonata f’suġġett u ssemmgħa leħinha billi tindirizza n-nuqqasijiet, anke fejn l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb. Hemm il-ħtieġa li jkollna aktar żgħażagħ attivi fil-lokalità tagħhom, fl-għaqdiet, kif ukoll f’organizzazzjonijiet, kemm jekk għadhom l-iskola u anke meta jikbru u jkunu qed jaħdmu full-time.

X’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħek u x’attivitajiet torganizzaw matul is-sena?

Din is-sena għandna l-unur li ser inkunu involuti fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa fejn ser inkunu qed nieħdu ħsieb avveniment li jappartjeni għaż-żgħażagħ. Din l-okkazzjoni ilha ma ssir 13-il sena. F’dan il-‘Youth Event’ ser inkunu qed inlaqqgħu żgħażagħ minn pajjiżi differenti ġewwa f’pajjiżna u ser nkunu qed niddiskutu temi differenti li huma importanti għaż-żgħażagħ.

Avveniment anwali għal Kunsill huwa il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Dan jitella’ sabiex iż-żgħażagħ ikunu esposti għal kif jaħdem il-Parlament Malti u jkollhom l-opportunità li jidħlu fiż-żarbun tal-Membri parlamentari tagħna. Avveniment ieħor li ħa nkunu qed norganizzaw huwa ‘Fiera Ambjentali’.

Fl-aħħar nett, aħna ħa nibqgħu naħdmu sabiex nilħqu dawk iż-żgħażagħ li għadna ma kellniex iċ-ċans li nilħqu. Ser inkunu qed naħdmu iktar biex intejbu l-għarfien fil-finanzi, l-midja, u l-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll id-diżinformazzjoni u l-informazzjoni ħażina li qed jaffettwaw l-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum. Temi li jibqgħu rikorrenti ġewwa l-Kunsill tagħna huma l-ewtanażja, is-sigurtà tal-ambjent, trasport u t-traffiku, il-kriżi fil-propjetà, il-kwalità tal-impjiegi, fost oħrajn.

X’qed tistenna s-soċjetà miż-żgħażagħ tal-lum u x’qed jistennew huma minn din l-istess soċjetà?

L-attiviżmu fost iż-żgħażagħ qed jerġa’ jqum fuq saqajh. Wieħed għandu dejjem ikun konxju tal-fatt li s-soċjetà u d-dinja tal-lum m’għadhiex bħal dik li kienet 5/20/30 sena ilu. Illum, sa miż-żgħożija, kważi kważi s-soċjetà tistenna li t-tfal jibdew jifformulaw l-opinjonijiet u l-futur tagħhom. Iżda hemm bosta żgħażagħ li qed jintilqu għal rihhom, għal bosta raġunijiet, fosthom; ekonomiċi. Illum, ta’ 16-il sena, tmur tagħmel part-time biex tkun tista’ tlaħħaq mal-ħajja, u b’hekk ma jkunux biss studenti imma anke ħaddiema. Għalhekk, hemm żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jibqgħu jistudjaw jew li jkollhom iċ-ċans li jieħdu sehem f’opportunitajiet, jew saħansitra li jipparteċipaw. Irridu insibu mezz kif anke l-aktar żgħażagħ emarġinati ngħinuhom isemmgħu leħinhom.

Liema huma l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ tal-lum?

Mhux iż-żgħażagħ kollha għandhom l-istess sfidi u aċċess għall-opportunitajiet. Għal li forsi ħafna jemnu li s-soċjetà tal-lum hija eħfef biex tgħix kuntent u komdu, xorta tiġi bid-diffikultajiet tagħha. Qed naraw ħafna żgħażagħ li s-saħħa mentali tagħhom qed tiġi affettwata minħabba l-problemi nazzjonali u internazzjonali. Is-soċjetà saret tistenna ħafna miż-żgħażagħ tagħna, wieħed jista’ jgħid li minn l-etajiet ta’ 12-il sena sa ma jigraddwaw, donnhom jiġu mqeda fuq skeda li għandhom jimxu magħha. Fl-età bikrija ta’ 12-il sena, is-sistema edukattiva tagħna tistenna li wieħed ikun jaf x’jrid jaħdem fil-futur sabiex ikun jista’ jagħzel is-suġġetti adekwati għalihom.

Sfida li qed jintlaqgħu minnha ħafna żgħażagħ hija l-għoli tal-ħajja, fejn affarijiet ta’ neċessità qed jibqgħu jgħolew. Kif ukoll fejn tidħol xiri ta’ propjetà. Għandek żgħażagħ li għandhom 30 sena u għadhom jgħixu d-dar għaliex għadhom qed jgħin jipprovaw ilaħqu mal-ħajja, xogħol full-time, u anke iridu ikollhom part-time biex ikunu jistgħu jgħixu. Għandhom għalfejn iż-żgħażagħ jgħaddu minn daqshekk stress minn età żgħira ta’ kif se jilaħqu mal-ħajja?

Fost sfidi oħra, riċenti bħala kunsill, sirna iktar konxji fiż-żieda tal-użu ta’ droga bejn l-etajiet ta’ 15-34 sena. Din hija xi ħaġa allarmanti għal Kunsill, u fil-fatt diġà bdejna noħorġu survey fil-mezzi soċjali tagħna biex naraw x’jaħsbu ż-żgħażagħ dwarha din l-isfida.

Hemm ħafna opportunitajiet nazzjonali u anke internazzjonali li ż-żgħażagħ jistgħu jidħlu għalihom, kull wieħed għandhu bżonn ifittxu ftit u jsegwu l-paġna tagħna, jaraw anke x-xogħol tal-Aġenzija Żgħażagħ, bħal Eurodesk, fost proġetti oħrajn, anke biex japplikaw għal opportunitajiet tal-Eramsus+ kif ukoll il-‘European Solidarity Corps’.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, x’messaġġ tixtieq tgħaddi liż-żgħażagħ?

Importanti li ssemmgħu leħinkom … li tkun attivist hija xi ħaġa sabiħa għaliex se tgħinek tikber fl-għarfien tiegħek u fil-kapaċità li twettaq xi ħaġa li ser tħalli impatt pożittiv man-nies ta’ madwarek.

Kulħadd għandu l-kapaċità li jagħmel kollox, iż-żgħażagħ għandhom bżonn jagħtu lilhom innfushom iċ-ċans u l- ħin biex jwettqu li għandhom f’moħħhom. Mhux dejjem se jirnexxielek tkun ta’ suċċess mal-ewwel darba. Se tiltaqa’ ma’ ħafna nies li ma jemnux fik jew fl-ideat tiegħek, imma dejjem importanti li tibqgħu għaddejjin u temmnu fikom nfuskom, għax ħadd ma jridlek il-ġid għal futur tiegħek daqsek.

Il-kliem ta’ Winston Churchill dejjem miegħi: “Is-suċċess mhuwiex finali, il-falliment mhuwiex fatali: dak li jgħodd hu l-kuraġġ li tkompli.”

Naf li xi kultant il-ħajja tkun diffiċli, dejjem se jkun hemm iż-żmien li mhux se jkun daqshekk faċli imma wkoll jasal iż-żmien fejn ikun mingħajr ostakli. Dejjem dawwar lilek innifsek b’nies li jridulek il-ġid.

Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja l-eżekuttiv il-ġdid li se jgħini nsaħħaħ il-kunsill biex nilħqu aktar żgħażagħ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport