Ħarġet l-aħbar kerha, iżda mistennija, li l-apparat mediku li kien qiegħed iżomm lill-attriċi famuża Amerikana, Anne Heche, intefa’. Dan wara li Heche sofriet ħsara rreparabbli u grieħi gravi fil-5 ta’ Awwissu li għadda f’inċident tat-traffiku li fih hija saqet b’veloċità kbira f’residenza privata. Ftit wara l-impatt il-karozza tagħha, mini cooper blu, ħadet in-nar. Fi stqarrija oħra maħruġa ftit qabel mid-dipartiment tal-pulizija ta’ Los Angeles (LAPD) sar magħruf li mhux se jkomplu l-investigazzjoni dwar x’wassal għal dan l-inċident traġiku. Dan wara li testijiet tossikoloġiċi sabu traċċi ta’ kokaina fuq il-vittma.
Din l-istilla ta’ Hollywood ta’ 53 sena ġiet iddikjarata mejta ġimgħa wara li kellha l-inċident iżda nżammet fuq life support minħabba li Heche kellha x-xewqa li tagħti l-organi tagħha b’donazzjoni. Dan l-inċident li dwaru hemm ħafna mistoqsijiet, sarraf fi traġedja li misset mhux biss lill-qraba u lill-ħbieb numerużi tagħha, iżda wkoll lill-kollegi u lil ħafna ammiraturi tal-istess attriċi li kienet tant maħbuba għas-sempliċità tagħha u għat-talent kbir li kellha.
Anne Celeste Heche, li kisbet l-ewwel suċċess tagħha fis-soap opera “Another World”, għal xi raġuni baqgħet dieħla f’residenza proprjetà ta’ Jennifer Durand li fiha kienet qiegħda tgħix mara bl-isem ta’ Lynne Mishele. L-istess proprjetà ħadet in-nar b’konsegwenza li Heche kellha tittieħed b’emerġenza l-isptar fejn ġiet intubata minħabba ħruq li sofriet f’ġisimha. L-attriċi rebbieħa ta’ premju Emmy qatt ma reġgħet qamet mill-koma u kienu l-qraba tagħha stess li lbieraħ taw l-aħbar uffiċjali li Heche ħalliet din id-dinja.