Sunday, December 22, 2024

L-attriċi Sharon Stone tiżvela li għandha tumur u tappella lin-nisa biex jiċċekkjaw

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-attriċi famuża Amerikana Sharon Stone ngħatat l-aħbar kerha li għandha tumur kbir wara li l-istint wassalha biex tieħu opinjoni ta’ tieni tabib u mn’alla għamlet hekk. Dan minħabba li fl-ewwel viżta li kellha,  it-tobba ma ndunawx bit-tumur. Stone wara l-esperjenza tagħha qiegħda tqajjem għarfien u twissi lin-nisa ta’ madwar id-dinja kollha biex jiċċekkjaw għal darba darbtejn tibdil li jinnotaw fuq persunthom.

F’aġġornament li qasmet mas-segwaċi tagħha fuq il-pjattaforma “Instagram” dwar saħħitha l-attriċi li llum il-ġurnata għandha 64 sena spjegat li, “għal darb’oħra tawni djanjosi żbaljata u ttieħdu l-proċeduri żbaljati. Din id-darba sar epidural (oppju lokali li jingħata fis-sinsla tad-dahar) doppju u minħabba li l-uġigħ żdied iddeċidejt li nieħu opinjoni ta’ tabib ieħor. Dan sabli li għandi tumur kbir tal-fibrojdi li hemm bżonn jitneħħa minnufih”.

Il-fibrojdi huma massa li jikbru f’qisien different madwar l-utru iżda mhumiex kanċer. Skont l-aġenzija nazzjonali tas-saħħa Ingliża (NHS), ħafna nisa ma jkunux jafu li għandhom fibrojdi minħabba li ma jħossu ebda sintomi. Tajjeb li jingħad li għal dawn l-aħħar snin, Sharon Stone ffaċċjat diversi problemi tas-saħħa inkluż tumur ieħor mhux perikoluż lura fl-2001.

Fil-messaġġ tagħha Stone indirizzat direttament lin-nisa fejn wissiethom biex jekk hemm bżonn, ma jiddejqux ikellmu ma’ aktar minn tabib wieħed. Dan minħabba li fi kliemha stess, “f’xi każijiet, tistgħu ssalvaw ħajjitkom”. 

Sadanittant l-attriċi famuża għar-rwol tagħha fil-film “Basic Instinct” żiedet tgħid li se jkollha bżonn waqfa ta’ bejn erba’ u sitt ġimgħat biex tirkupra mill-intervent.

Ekonomija

Sport