L-attur komiku Russell Brand qed ikun mixli bi stupru u abbuż sesswali u emozzjonali, li dam għaddej fuq perjodu ta’ seba’ snin.
L-allegazzjonijiet saru wara investigazzjoni konġunta bejn tliet kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali. Erba’ nisa qed jallegaw li ġew abbużati minnu bejn l-2006 u l-2013.
Min-naħa tiegħu, Brand ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u qal li r-relazzjonijiet li kellu dejjem kienu “kunsenswali”.
Fis-snin fejn qed jingħad li saru dawn l-allegati reati, Brand kellu diversi impjiegi ta’ profil għoli fi żminijiet differenti, inkluż fil-BBC Radio 2 u Channel 4, u bħala attur f’films ta’ Hollywood.
Dikjarazzjonijiet oħra li saru bħala parti mill-investigazzjoni li għaddejja huma relatati mal-allegata imġiba tiegħu ta’ kontroll u abbużiva.
Ftit sigħat wara li ġew ippubblikati dawn l-allegazzjonijiet, Brand kien għamel gig skedat ta’ kummiedja fit-Teatru Troubadour Wembley Park, bħala parti mit-tour tiegħu Bipolarisation.
Waqt is-sett, li dam għaddej madwar siegħa, Brand għamel referenza għall-allegazzjonijiet iżda ma indirizzahomx direttament. Huwa qal lill-udjenza preżenti li kien hemm affarijiet li ried jitkellem dwarhom iżda ma setax jagħmel dan.
Diversi nisa għamlu allegazzjonijiet kontra Brand bħala parti mill-investigazzjoni. Waħda minnhom allegat li Brand stupra ma’ ħajt ġewwa d-dar tiegħu f’Los Angeles. Mara oħra allegat li Brand ħebb għaliha meta kien għad kellha 16-il sena.
It-tielet mara qiegħda tallega li Brand abbużaha sesswalment waqt li kienet taħdem miegħu f’Los Angeles u li allegatament hedded li jieħu azzjoni legali jekk tgħid lil xi ħadd ieħor dwar l-allegazzjoni tagħha.
Ir-raba’ mara allegat li ġiet abbużata sesswalment minn Brand u li huwa kien abbużiv fiżikament u emozzjonalment fil-konfront tagħha.
Matul il-jum tal-Ġimgħa, Russell Brand f’video li tefa’, ċaħad l-akkużi kollha li kienu saru kontrih. Huwa qal li kien irċieva ittri minn kumpanija tat-televiżjoni u anke gazzetti, li kien fihom “litanija ta’ attakki aggressivi.”