L-attur Joseph Gatt, magħruf għall-interpretazzjoni ta’ Thenn Warg f’Game of Thrones, ġie arrestat wara li allegatament inqabad li kellu komunikazzjoni espliċita ta’ natura sesswali ma’ minorenni.
Gatt ġie notifikat b’mandat ta’ arrest fis-6 ta’ April u ġie arestat fid-dar tiegħu f’Los Angeles.
Id-Diviżjoni tal-Minorenni tad-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Los Angeles, Internet Crimes Against Children Task Force, ikkonfermat l-arrest ta’ Gatt fi stqarrija għall-istampa nhar l-Erbgħa li għadda.
Skont dak li ġie rrappurtat f’midja barranija, qalu li l-attur ta’ nisel Malti ngħata l-ħelsien mill-arrest fl-istess jum fuq depożitu ta’ $5,000.
Skont id-dikjarazzjoni tal-LAPD, “irċevew informazzjoni li Gatt kien involut f’komunikazzjoni online ta’ natura sesswali ma’ minorenni fuq il-linji tal-istat” u d-dipartiment qed “ifittex li jidentifika kwalunkwe vittmi oħra.”
L-attur ta’ 50 sena, li kellu rwoli sekondarji f’films bħal Thor, Star Trek Into Darkness, u Dumbo, ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li mhumiex veritieri. Fi stqarrija li ppubblika fuq il-midja soċjali tiegħu, Gatt qal li qed jikkoopera bis-sħiħ mal-pulizija u l-LAPD.